Politika
Il-Partit Laburista jsellem lil Joseph Muscat

Il-Partit Laburista sellem lil Dr Joseph Muscat u rringrazzjah tal-kontribut li ta fi ħdanu fl-aħħar snin fi rwoli differenti, ewlieni fosthom bħala Mexxej għal 12-il sena u nofs, fejn għal kważi 7 snin minnhom kien Prim Ministru. Dan wara li lbieraħ Dr Muscat ħabbar li se jirriżenja minn Membru Parlamentari.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li s-snin li Dr. Muscat għamel imexxi lill-Partit Laburista jibqgħu karatterizzati minn ħidma ma taqta’ xejn ta’ tiġdid, tibdil u tisħiħ. Qal li Dr. Muscat bena madwar il-Partit Laburista Moviment mill-iktar b’saħħtu u inklussiv tal-Liberali, Progressivi u Moderati. Stqarr li dan il-Moviment żamm miegħu lill-Maltin u lill-Għawdxin li minn dejjem kienu jappoġġjaw lill-Partit Laburista waqt li ġibed lejh eluf oħra li ressqu lejn il-Partit Laburista għall-ewwel darba.

Il-Partit Laburista qal li s-snin li Joseph Muscat għamel bħala Mexxej jibqgħu mfakkra wkoll għall-mod kif il-Partit Laburista kiseb 10 rebħiet f’10 elezzjonijiet li saru bejn l-2008 u l-2019. Kompla jgħid li l-Partit Laburista mhux biss kiseb rebħiet storiċi fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2013 u tal-2017, iżda sar ukoll l-uniku partit politiku f’pajjiżna li rebaħ l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kemm mill-Oppożizzjoni u anki mill-Gvern, waqt li fl-istess ħin fl-2019 fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru mal-pajjiż kollu, kiseb l-ikbar distakk fuq il-Partit Nazzjonalista fl-istorja tal-elezzjonijiet f’pajjiżna. Sostna li Joseph Muscat jibqa’ l-uniku Mexxej politiku f’Malta li rebaħ l-elezzjonijiet kollha li kkontesta.

L-istqarrija tal-Partit Laburista tkompli tgħid li mill-2013 ‘il quddiem bħala medja kull sena l-ekonomija Maltija kibret bi kważi 7% – iktar minn 3 darbiet il-medja Ewropea. Tenna li taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, Malta rreġistrat surplus fil-finanzi pubbliċi għall-ewwel darba fi 32 sena u kull sena pajjiżna dejjem kellu l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Huwa elenka għadd ta’ affarijiet li għamel Gvern Laburista fosthom traħħis tad-dawl u l-ilma, il-bini tal-power station ġdida li taħdem bil-gass, childcare centres bla ħlas, żieda fil-paga minima, skema għall-first time buyers ta’ proprjetà u l-proġett ta’ infrastruttura tat-toroq.

Il-Partit Laburista qal li bħala Prim Ministru, Dr.Muscat żamm kelmtu anki fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex immedjatament kif seħħ dan id-delitt, kien wiegħed li ssir ġustizzja sħiħa u hekk ġara, għaliex kien hemm ir-rieda li jseħħ dan.

Filwaqt li rringrazzja lil Dr Muscat, il-Partit Laburista selllem ukoll lil Michelle MUscat li kienet spalla għal żewġha u fl-aħħar snin ħadet inizjattivi biex tqajjem kuxjenza dwar kawżi differenti u tagħti vuċi lil ħafna Maltin u Għawdxin li għal snin sħaħ tħallew waħidhom.