COVID-19
Il-Partit Nazzjonalista jirreaġixxi għall-miżuri mħabbra lbieraħ

B’reazzjoni għall-miżuri mħabbra, il-Partit Nazzjonalista qal li b’dahru mal-ħajt u ffaċċjat bi kriżi li ġab b’idejh, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li tilef il-kontroll tal-pandemija.

Il-Partit Nazzjonalista qal li wara li qalilna li l-mewġ qiegħed fil-baħar, bir-rekord ta’ każi mħabbra u mwiet bil-COVID-19 jidher ċar illi l-mewġ qed jaħkem lilu u kellu joħroġ mill-moħba tieghu u jirreaġixxi għas-sitwazzjoni medika urġenti li għandu quddiemu wara pjan ta’ azzjoni politika konkreta mħabbra mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa ċar aktar minn qatt qabel li l-Prim Ministru tilef il-kontroll tal-pandemija u minħabba l-arroganza tiegħu issa qiegħed jibża’ u ammetta wkoll li seta’ jagħmel l-affarijiet aħjar. Sostna li Robert Abela naqas milli jserraħ ras l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri li għandu pjan u jaf x’għandu jagħmel biex l-iskejjel tagħna ma jingħalqux, naqas milli jserraħ ras is-sidien tal-ħwienet u l-ħaddiema u li għandu strateġija minn issa biex dan il-Milied ma jintilifx u naqas milli jagħti s-serħan tal-moħħ lill-vulnerabbli u lil dawk l-anzjani li għadhom magħluqin fi djarhom.

Il-Partit Nazzjonalista qal li qiegħed ikun pro-attiv u minbarra t-twaqqif ta’ tim t’azzjoni talab ukoll dibattitu parlamentari fuq is-sitwazzjoni u li se jsir nhar it-Tlieta li ġej.