Stejjer Umani
Il-patri li jieħu l-kura u jfarraġ lill-pazjenti fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija

Kif jgħidu l-mard ma jħares lejn wiċċ ħadd… u fl-aħħar sena l-Kappillan taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo iltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ ħafna tbatija li jgħaddu minnha l-pazjenti morda bil-kanċer.

F’Jum id-Duluri, Patri Mario Attard stqarr minkejja t-tbatija li jara fil-pazjenti li jiltaqa’ magħhom, għaraf japprezza aktar is-sens ta’ għaqda, l-imħabba u s-sabiħ tal-ħajja.

“Mhux inti ttihom, huma jtuk.”

Bħal-lum sena eżatt meta Malta kienet fi kważi lockdown nazzjonali, Patri Mario Attard beda jservi bħala Kappillan fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, magħruf bħala s-SAMOC fejn ironikament hu wkoll qed jirċievi l-kura.

“Hija diffiċli għaliex jien ukoll pazjent hawnhekk tal-ematoloġija, allura naf x’jiġifieri, però jien immur ħdejhom u nsellmilhom u nkellimhom bħal ma jitkellmu żewġt iħbieb qisha l-marda mhux qiegħda hemm.”

Kif iltqajna miegħu qalilna li minkejja l-isfidi kollha li ġabet il-pandemija, huwa kellu u għad għandu missjoni ewlenija li joffri tama lill-pazjenti morda bil-kanċer li tul din is-sena għinuh jifhem il-ġmiel tal-arti tal-ħbiberija.

“Il-Patri dak li jagħmel hawn li nimxi man-nies fil-ħbiberija, issa dawn ħuti hawnhekk jordmuni b’li jgħiduli għax tant jgħiduli affarijiet sbieħ anke fin-niket u ta’ kuraġġ u fejqan li xi kultant ngħid x’waħda din hux, kemm jiena ċkejken li ma nistax nieħdu ġo fija dan l-għerf kollu li dawn in-nies jgħadduli.”

L-aktar ħaġa li ħalliet impatt fuqu hija l-qawwa tar-relazzjonijiet b’saħħithom li jixtiequ li kulħadd jseddaq u jaħdem.

“Ninvestu fir-relazzjonijiet, ejjew naqtgħuha din li ngħidu li llum ma tista’ tafda lil ħadd, il-Mulej ma ħalaqnix biex noqħodu f’kaxxa jew gaġġa tad-deheb, imma ħalaqna biex inkunu familja u ejja naħdmu biex inkunu familja u dan l-appell qed nagħmlu mill-Oncology li naf x’jiġifieri l-qawwa sabiħa u ta’ fejqan tar-relazzjoni.”

Waqt li stqarr li mhux l-ewwel darba li beka mal-pazjenti li kienu waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom, Patri Mario qal li quddiem id-dulur kbir tal-pazjenti li pprova jfarraġ, għaraf japprezza aktar is-sabiħ tal-ħajja u tal-imħabba.

“Ħbieb ibqgħu ħobbu, ibqgħu ġibu d-differenza, ibqgħu kunu barka għax il-ħajja sabiħa anke jekk fit-tbatija imma l-ħajja sabiħa.”