COVID-19
Il-pazjenti tal-Isptar Karen Grech li qed jirċievu kura fit-tul ingħataw l-ewwel doża tal-vaċċin tal-COVID-19

Il-pazjenti kollha fl-Isptar Karen Grech li għandhom ’il fuq minn 85 sena u qed jirċievu kura ta’ rijabilitazzjoni, kif ukoll il-pazjenti ta’ ’l fuq minn sittin sena li qed jirċievu kura fit-tul, ingħataw l-ewwel doża tal-vaċċin tal-COVID-19.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa ntqal li dan bl-eċċezzjoni ta’ pazjenti li huma pożittivi għall-COVID-19 jew jinsabu kwarantina, li se jkunu qed jitlaqqmu ladabra saħħithom tippermetti, u bl-eċċezzjoni ta’ pazjenti li ma setgħux jieħdu t-tilqima minħabba kundizzjonijiet mediċi jew li rrifjutaw it-tilqima. 

Ġie spjegat li qed jitlaqqmu wkoll il-professjonisti mediċi u l-ħaddiema tal-Isptar, skont il-pjan tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Intqal ukoll li pazjenti tal-onkoloġija se jingħataw il-vaċċin tal-COVID-19 qabel ma jibdew jirċievu l-kimoterapija