Il-PBS b’dokumentarju ġdid dwar il-komunità ta’ Maltin f’Izmir

Dokumentarju ġdid li se jixxandar fuq Television Malta mill-ewwel Ħadd ta’ Marzu jixħet dawl fuq komunità ta’ Maltin li tgħix fil-belt ta’ Izmir fil-Punent tat-Turkija. Minn komunità li sa 80 sena ilu kienet tqarreb it-3,000 ruħ, illum il-Maltin ta’ Izmir jgħoddu biss ftit għexieren.

Mario Xuereb u Sarah Lee Zammit ltaqgħu ma’ wħud minnhom u hejjew dokumentarju li fih il-Maltin ta’ Izmir jirrakkuntaw l-istejjer tal-familji tagħhom.

Id-dokumentarju ittella’ wara ftehim ta’ kollaborazzjoni iffirmat fix-xhur li għaddew bejn il-PBS u l-istazzjon nazzjonali tat-Turkija TRT.

Kien fit-tieni nofs tas-seklu 19 li r-ritmu tal-emigrazzjoni beda jħaffef il-pass. Dak iż-żmien il-Maltin kienu bdew jitilqu lejn postijiet oħra fil-Mediterran biex isibu xogħol. Fost dawn kien hemm min għażel il-Punent tat-Turkija b’mod partikolari Istanbul u Izmir.

“Fl-1868, il-familja tiegħi ġiet Izmir mill-Birgu. U l-familja tan-nannu tiegħi kienu tarznara,” qal Roland Richichi.

“L-antenati tiegħi kienu Maltin. U meta kont nistaqsi lil missieri kif spiċċajna hawn… kien jirrakkuntali li l-bużnannu tiegħu kien ġie Izmir waqt il-gwerra tal-Krimea għall-ħabta tal-1850. Kienu jinnegozjaw fil-provvisti għall-bastimenti Ingliżi. Ġew fuq talba tal-Ingliżi,” qal Ingrid Micaleff.

Minn tarznara u burdnara, il-Maltin f’Izmir stagħnew tant li wħud saru negozjanti, min tat-tessuti u min tat-tin. U għamlu l-flus.

Wieħed – William Buttigieg- għamel karriera fis-servizz diplomatiku hekk kif l-Ingliżi ħatruh Konslu Ġenerali biex jirrappreżenta l-interessi tagħhom f’Izmir.

Ieħor, Eduardo Tonna, minn qassis sar saħansitra Arċisqof tal-Belt.

“Iz-ziju ta’ missieri kien l-Arċisqof ta’ Izmir. Ejja ngħidu li ta’ Tonna huma magħrufin ħafna f’Izmir. Magħrufin fil-Knisja ta’ Izmir,” qal Nicholas Tonna.

Tul is-snin stagħnew, tħalltu ma’ komunitajiet oħra. Iżda l-gwerra tal-1922 li permezz tagħha t-Torok xkanaw ‘il barra lill-Griegi mill-Punent tal-pajjiż u ddikjaraw Repubblika. Ħafna mill-Ewropej li kienu jgħixu f’Izmir fittxew li jsalvaw ġildhom.

“Kollox inbidel. Kollox minħabba n-nar qawwi li ħakem il-belt. U l-familja tiegħi kellha titlaq minn Izmir,” qal Noel Micaleff.

Ħarbu fuq numru ta’ bastimenti tal-gwerra tar-Royal Navy li kienu jistennewhom barra l-port. Għaddew is-snin u uħud irritornaw iżda l-ħajja qatt ma ġiet lura għan-normal.

Minn 3,000 Malti f’Izmir, illum baqa’ ftit aktar minn 50 li għadhom jgħożżu l-egħruq tagħhom. U l-komunità qed tmut mewta naturali.

“Naħseb li jien minn tal-aħħar. L-aħħar ġenerazzjoni. Warajja – il-Maltin ta’ Izmir – jispiċċaw. B’xorti ħażina,” temm jgħid Nicholas Tonna.

Aħbarijiet Oħra

Il-pandemija affettwat lil kulħadd, anke lill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund li tgħin lil mijiet ta’ nies morda, tfal b’diżabilità, tfal li jkollhom bżonn kura barra l-pajjiż u nies li m’għandhomx…

Quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia xehed il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici, li ġie mistoqsi dwar il-perjodu ta’ meta kien responsabbli mill-portafoll tal-Ġustizzja. Mistoqsi dwar il-proklama li ngħata…

Dr Bernard Grech, nieda l-kampanja tiegħu għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Bit-tema Ningħaqdu, nirnexxu, u niġġeddu, Dr Grech qal li jrid jara Partit Nazzjonalista magħqud u sħiħ, għalkemm imsejjes fuq il-ħiliet…

Aktar