Lokali
Il-PBS iniedi stazzjon ġdid tal-aħbarijiet – TVMnews+

Minn Ottubru li ġej, il-Maltin u l-Għawdxin se jkollhom l-opportunità li jsegwu l-aħbarijiet iktar ta’ spiss hekk kif l-istazzjon nazzjonali se jkun qed jiftaħ stazzjon ġdid – TVMnews+. Dan l-istazzjon se jiffoka fuq aħbarijiet, sports, kultura, storja, u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti.

Iċ-Chairman tal-Public Broadcasting Services, Dr Mark Sammut, qal li b’dan it-tiġdid it-telespettaturi se jkunu qed jingħataw l-aqwa servizz possibbli, waqt li l-istazzjon nazzjonali se jkun verament qed jimxi għall-pass li jmiss.

Il-PBS nieda wkoll kompetizzjoni għal individwi u kumpaniji speċjalizzati fil-grafika biex joħorġu b’ideat għal-logo il-ġdid tal-istazzjon nazzjonali li se jkun qed jintuża fis-snin li ġejjin.

L-istazzjon Nazzjonali se jkun qed jikteb paġna ġdida fl-istorja tiegħu, bit-tnedija ta’ stazzjon ġdid tal-aħbarijiet – TVMnews+.

Fit-tnedija tal-istazzjon f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, iċ-Chairman tal-Public Broadcasting Services, Mark Sammut, ħabbar li l-istazzjon se jiffoka primarjament fuq aħbarijiet, sports, kultura, u storja. Fl-iskeda tiegħu se jkollu programmi ta’ ġrajjiet kurrenti u xandiriet diretti ta’ avvenimenti li jkunu qed iseħħu dak il-ħin. Spjega, li r-rwol tal-istazzjon TVM xorta waħda se jibqa’ fis-seħħ, iżda se jkun iktar iffukat fuq programmi ta’ divertiment li jolqtu lill-familja kollha.

Dr Sammut qal li 78% tal-produzzjonijiet se jkunu qed isiru mill-ħaddiema tal-PBS stess, li qal kemm ilu jmexxi dan l-istazzjon, baqa’ impressjonat bil-vokazzjoni li għandhom fix-xogħol li jagħmlu. Semma kif mill-iskeda li jmiss se jiżdiedu l-programmi bil-lingwa tas-sinjali, sabiex l-istazzjon nazzjonali, verament ikun inklussiv. Sostna li l-isports se jingħata iktar importanza b’iktar xandiret u servizzi sportivi f’kull bulettin u aġġornament tal-aħbarijiet.

“Il-media fil-ħajja tal-lum għandha ħafna importanza, u l-PBS se jibqa’ jaġġorna ruħu b’teknoloġiji ġodda, b’aħbarijiet ġodda, bi stations ġodda…l-istation il-ġdid TVMnews+, irriżulta mis-segwaċi li għandna fl-islot tal-aħbarijiet, allura dehrilna li hemm potenzjal enormi li dan nestenduh u jieħu over channel sħiħ.”

Il-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, responsabbli mix-xandir nazzjonali, iddeskriva l-identità ġdida tal-istazzjon nazzjonali bħala l-punt tat-tluq. Qal li mingħajr ma jkun hemm indħil fil-linja editorjali tal-istazzjon, il-Gvern, anke bħala x-shareholder ewlieni, se jinvesti sabiex ikompli jsaħħaħ din l-istituzzjoni importanti għall-pajjiż.

“Huwa kruċjali li l-istazzjonijiet nazzjonali jibqgħu jaraw l-iżviluppi li qed iseħħu, u naġġornaw għaċ-ċirkostanzi tal-lum, u aktar u aktar ta’ għada. Iċ-ċentru ta’ dan kollu jibqa’ il-kwalità..kwalità fejn għandu x’jaqsam il-ħaddiema tagħna, kwalità fejn għandu x’jaqsam dak li jidher u jinstema’ fuq l-istazzjonijiet tagħna, kwalità wkoll fejn għandu x’jaqsam l-aspett tekniku…u allura il-kwalità tibqa’ ċentrali f’dan kollu.”

Il-Ministru Abela qal li lil hinn mis-segwaċi, il-PBS irid li joffri karrieri ta’ kwalità kemm għal dawk li ilhom jaħdmu fi ħdanu is-snin, kif ukoll għal dawk li ingħaqdu riċentament, li fi kliemu, huma l-futur tax-xandir f’Malta.

Bħala parti mill-evoluzzjoni li qed jagħmel l-istazzjon nazzjonali, tnediet kompetizzjoni biex jinbidel il-logo biex jirrifletti l-passat, il-preżent u l-futur tal-PBS. Kull min hu nteressat jista’ jikseb iktar dettalji minn tvm.com.mt, u jissottometti l-ideat tiegħu sat-18 ta’ Awwissu li ġej.

Il-PN jgħid li qed jikkunsidra azzjoni legali

Intant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li se jkun qed jikkunsidra l-għażliet kollha, inkluża azzjoni legali, biex skontu ma jħallix lill-PBS jinħataf iżjed mill-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista qal li qatt ma kien ikkonsultat fuq din il-kwistjoni u jinnota dan l-iżvilupp bi tħassib.

B’reazzjoni, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-PBS Dr Mark Sammut qal li l-istazzjon nazzjonali huwa tal-poplu u ma jħares lejn wiċċ ħadd. Żied jgħid, li l-istazzjon nazzjonali huwa bbażat fuq il-korrettezza u l-fatti, u xhieda ta’ dan huma l-udjenzi li attira sena wara l-oħra.