AĠĠORNAT: Il-PBS jerġa’ jikseb l-akbar numru ta’ unuri ġurnalistiċi

Għall-ewwel darba, stejjer ippubblikati fuq is-sit elettroniku ta’ Television Malta – tvm.com.mt – rebħu l-unuri kollha dedikati għall-ġurnaliżmu elettroniku fid-29 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards organizzati mill-Istitut tal-Ġurnalisti. Ġurnalisti u producers tal-PBS rebħu 9 unuri għal stejjer u produzzjonijiet li xxandru fuq TVM, Radju Malta u tvm.com.mt. Sebgħa mid-disgħa unuri ntrebħu minn ġurnalisti taċ-ċentru tal-aħbarijiet.

Xogħlijiet ta’ ġurnalisti tal-PBS ġew ippremjati fid-29 edizzjoni tal-awards tal-ġurnalisti li jingħataw mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin. Ġurija indipendenti ppremjat ix-xogħlijiet ġurnalistiċi ta’ ħames ġurnalisti tal-PBS f’7 kategoriji.

Mario Xuereb rebaħ tliet unuri fosthom għall-iskript televiżiv fil-kategorija features bid-dokumentarju l-Internati Maltin fl-Italja, għall-ġurnaliżmu kulturali mxandar fuq ir-radju u għall-aħjar użu tal-ilsien Malti. Għall-ewwel darba, TVM rebaħ il-kategoriji tal-ġurnaliżmu elettroniku b’żewġ unuri għal stejjer pubblikati fuq tvm.com.mt. Dan b’artiklu ta’ Glen Falzon u artiklu kulturali ta’ Keith Demicoli. Brandon Pisani rebaħ il-kategorija tal-ġurnaliżmu mxandar bl-aqwa filmat.

L-unur għall-ġurnaliżmu mxandar skript televiżiv fil-kategorija tal-aħbarijiet intrebaħ minn Antonia Micallef.

Kontributuri tal-PBS rebħu żewġ unuri oħra. Il-Professur Andrew Azzopardi rebaħ il-kategorija tal-ġurnaliżmu mxandar – stejjer umani fuq TVM 2. Alvin Scicluna, li jipproduċi diversi programmi għall-PBS, rebaħ il-kategorija tal-ġurnaliżmu dwar l-ivvjaġġar.

B’kollox f’din l-edizzjoni kien hemm 20 kategorija ghal gurnalizmu stampat, imxandar u elettroniku. Il-ġurija evalwat 128 sottomissjoni.

Il-ġurnalist veteran Laurence Grech, li kien editur tas-Sunday Times of Malta, ingħata l-Gold Award sponsorjat mill-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu.

Fiċ-ċerimonja, il-President George Vella wera sodisfazzjon li l-Istitut tal-Ġurnalisti u l-membri tiegħu qed iħejju biex ikunu konformi maċ-charter dinji dwar l-etika għall-ġurnalisti. Dan id-dokument, propost mill-Federeazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti, jiġbor fih prinċipji etiċi fosthom li l-ġurnalist jinforma b’mod riċerkat, ikun leali lejn il-pubbliku u liberu minn kull indħil. Il-President Vella qal li meta jitħaddnu dawn il-prinċipji, il-ġurnalisti jkunu qed inisslu fil-ġenerazzjoni ta’ għada l-importanza tal-valuri sodi.

Iċ-Chairman tal-Istitut, Yannick Pace, qal li l-Istitut beda jistudja l-possibbiltà li jsir union għax fost oħrajn qal li Malta hi wieħed mill-ftit pajjiżi li m’hawnx union tal-ġurnalisti. Is-Sur Pace qal l-Istitut huwa impenjat li jibqa’ jaħdem biex din issir realtà.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Dalgħodu l-pulizija reġgħet bagħtet għall-eks chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Television Malta jinsab infurmat li dalgħodu l-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi reġgħet interrogat lis-Sur Schembri u tteħditlu wkoll stqarrija….

Politika

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza l-folla li nġabret in-Naxxar fejn qal li ”xogħlna issa li nħarsu ‘l quddiem.” Huwa qal li jinsab kburi b’dan il-moviment u f’dan kollu ”l-aħna akbar…

Kultura

Kuxjenza ambjentali qed dejjem titqawwa. Xhieda ta’ dan hi l-inizjattiva li ħadu numru ta’ għaqdiet u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop li din is-sena ddeċieda li jlibes il-libsa festiva lir-raħal…

Aktar