Televiżjoni u Radju
Il-PBS wera li x-xandir pubbliku ħaj, sors rispettat u ta’ fiduċja mill-udjenzi – id-Direttur Ġenerali tal-EBU

Id-Direttur Ġenerali tal-European Broadcasting Union, Noel Curran qal li l-PBS wera li x-xandir pubbliku mhuwiex mejjet u kif qed iseħħ f’din il-pandemija hu sors rispettat u ta’ fiduċja mill-udjenzi.

Is-Sur Curran qal dan f’sessjoni ta’ konsultazzjoni pubblika dwar it-tisħiħ fil-kwalità tax-xandir, li matulha ċ-Chairperson tal-PBS Carmen Sammut qalet li x-xandir pubbliku jitjieb billi jadatta mal-bidliet diġitali u soċjali; filwaqt li l-Ministru Carmelo Abela spjega kif is-suġġerimenti li saru llum se jwittu t-triq għat-tibdil meħtieġ fix-xandir nazzjonali.

Producers, xandara u artisti kreattivi fil-qasam tax-xandir iltaqgħu f’konferenza organizzata mill-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela b’kollaborazzjoni mal-PBS bil-għan li tissaħħaħ il-kwalità fix-xandir nazzjonali fosthom b’tibdil fil-PBS stess u fil-proċess u proċeduri tal-għażla tal-programmi.

“Dak hu l-iskop li aħna nisimgħu mingħand l-istakeholders bħal ma se nisimgħu mingħand il-ħaddiema stess biex isir it-tibdil neċessarju fi ħdan l-organizzazzjoni, dan se jippermittilna li nilqgħu għall-isfidi li qed inħabtu wiċċna magħhom illum bħal pjattaformi diġitali per eżempju għax m’għadnix nitkellmu biss fuq TV u radju imma online u kompetizzjoni miftuħa.”

Il-Ministru Abela qal li f’dan il-proċess ta’ se jiġu identifikati obbligi ta’ xandir pubbliku li mhux qegħdin jingħataw biżejjed importanza u jiġi diskuss kif jista’ jinħoloq balanċ bejn il-kwalita’, l-obbligi pubbliċi u l-aspett kummerċjali waqt li jissaħħaħ il-potenzjal li jinħoloq kontenut b’appell internazzjonali kemm għall-barranin li jgħixu f’Malta, għad-diaspora Maltija u opportunitajiet kummerċjali fuq pjattaformi awdjoviżivi oħra.

Iċ-Chairperon tal-PBS, Prof. Carmen Sammut qalet li b’dan l-eżerċizzju x-xandir pubbliku jrid jadatta mal-bidliet diġitali u soċjali u jsaħħaħ iktar fil-kwalità.

“Irridu nagħmlu evalwazzjoni ta’ dak li qed nipproduċu, naraw li nsaħħu l-kwalità, naraw li nkunu aktar effiċjenti f’dak li qegħdin nagħmlu u fuq kollox li nsaħħu l-professjonaliżmu, għalhekk għandna programm ta’ taħriġ li se jkun offrut kemm għall-impjegati u stakeholders oħrajn u llum dan is-seminar kien mal-production houses.”

Il-Professur Sammut qalet li s-suċċess tal-PBS jiddependi mis-suċċess tal-produzzjonijiet li jixxandru fuq l-istazzjonijiet tiegħu u dan hu parti minn proċess ta’ konsultazzjoni biex il-kumpanija u x-xandir jissaħħu.

Id-Direttur Ġenerali tal-European Broadcasting Union, Noel Curran qal li l-pandemija wriet li minkejja li l-istazzjonijiet pubbliċi fl-Ewropa sikwit jitfissru bħala dinosawri, il-PBS hu eżempju ċar li għadu sors rispettat għall-informazzjoni u qed jagħraf ikompli jinbidel u jissaħħaħ.

“I think we saw with PBS in Malta the audiences increased, the news output increased, people have trust in your output and I think you had a fantastic response and now you working with us we need to move and built on that in the yerars ahead and I think we can”

Iċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir Frank Farrugia qal li l-informazzjoni li tingħata mix-xandara tiġġieled kontra l-fake news u sostna kif din hija waħda mill-ingredjenti li tagħmel xandir ta’ kwalita’ u li jiddistingwi ruħu mit-tagħrif li jingħata mill-media soċjali. Qal li filwaqt li l-PBS għandu riżorsi ikbar minn servizzi tal-media oħra, imma r-responsabbiltajiet huma ħafna ikbar biex jinżammu l-imparzjalità, l-oġġettività, u l-bilanċ.

Waqt l-erba’ workshops saru bosta rakkomandazzjonijiet li mistennija jiġu kkunsidrati fil-proċess ta’ tiġdid tal-PBS u l-kwalità ta’ trażmissjonijiet futuri tax-xandir pubbliku.