Unjoni Ewropea
Il-PE favur azzjoni kontra l-Ungerija – Alfred Sant l-uniku MEP Malti li ma vvutax

Il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvutaw favur li tittieħed azzjoni dixxiplinarja fil-konfront tal-Ungerija dwar allegat ksur tal-valuri ewlenin li fuqhom hi mibnija l-Unjoni Ewropea. Il-Gvern tal-Prim Ministru Viktor Orban qed ikun akkużat b’attakki fil-konfront tal-media, minoranzi u s-saltna tad-dritt, akkużi li hu jiċħad.

Aktar minn żewġ terzi tal-Ewro Parlamentari taw l-appoġġ tagħhom lill-mozzjoni ta’ ċensura. Id-deputati Maltin ivvutaw favur, bl-eċċezzjoni ta’ Alfred Sant li ma vvutax.

Għall-ewwel darba fl-istorja, il-Parlament Ewropew approva mozzjoni biex tittieħed azzjoni dixxiplinarja kontra l-Ungerija fuq allegat ksur tal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-mozzjoni għaddiet b’448 vot favur, 197 kontra u 48 astensjoni. Il-Gvern Ungeriż immexxi mill-Prim Ministru Viktor Orban qed ikun akkużat b’attakki fuq il-libertà tal-espressjoni, il-minoranzi u s-saltna tad-dritt, akkużi li hu qed jiċħad. Il-mozzjoni approvata ssejjaħ biex jinbeda l-proċess għall-attivazzjoni ta’ Artiklu 7, li jista’ jwassal biex il-pajjiż jitlef id-dritt tal-vot fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Biex jiġri hekk jeħtieġ l-approvazzjoni unanima tal-gvernijiet tal-istati membri l-oħra.

Mindu ħa t-tmun f’idejh, Orban addotta pożizzjoni ħarxa kontra l-immigrazzjoni, tant li l-Gvern immexxi minnu daħħal liġi li tagħmilha reat kriminali li avukati u attivisti jgħinu immigranti illegali. F’indirizz lill-Parlament Ewropew ilbieraħ fi Strasburgu, Viktor Orban iddeskriva t-theddida ta’ ċensura bħala rikatt u insult għal pajjiżu.

L-Ewro-parlamentari Maltin ivvutaw favur il-mozzjoni, ħlief Alfred Sant li f’nota ta’ spjega qal li ma vvutax minħabba dak li sejjaħ l-aġir politiċizzat ta’ kif il-Parlament Ewropew jinvestiga kwistjonijiet ta’ governanza, li żied jgħid ixejjen il-kredibbiltà u l-leġittimità ta’ investigazzjonijiet tax-xorta.

Għalkemm qal li ma jaqbilx ma’ ħafna mill-politika tal-Gvern Ungeriż, Dr Sant spjega li l-metodi użati mill-Parlament Ewropew huma preġudikati. Irrefera għal investigazzjonijiet simili li saru fil-konfront ta’ Malta u qal li l-għaqdiet mhux governattivi Maltin li tkellem magħhom il-Parlament Ewropew intgħażlu b’mod partiġġjan u min-naħa waħda.

 

Aħbarijiet Oħra
Brexit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament fisser il-passi li qed jieħu l-Gvern f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara li l-Oppożizzjoni tappoġġja l-ftehim bejn…

Parlament

Laqgħa imqanqla tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi ġiet sospiża wara li ntalbu żewġ rulings differenti mill-Ispeaker fuq jekk xhud għandux jitħalla jaqra dikjarazzjoni qabel isirulu l-mistoqsijiet. Il-Kumitat kellu jisma’ x-xhieda tad-deputat…

Lokali

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed iwissu dwar xorb tal-lumi tad-ditta Piacelli Citrilemon. Fi stqarrija ntqal li wara li saru iktar investigazzjonijiet, instab li l-imsemmi prodott fih sulfati li mhumiex iddikjarati fuq it-tikketta. Lemon…

Aktar