Lokali
Il-PE kontra l-ittestjar globali fuq l-annimali għall-kożmetiċi – Miriam Dalli tgħid li jeżistu alternattivi

Il-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar is-saħħa u l-ambjent llum ivvota favur riżoluzzjoni li tippromwovi projbizzjoni globali kontra l-ittestjar fuq l-annimali għall-kożmetiċi.

Ir-riżoluzzjoni li ħadmet fuqha Miriam Dalli tħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea biex jippromwovu projbizzjoni dinjija fil-livell tan-Nazzjonijiet Magħquda kontra l-ittestjar fuq l-annimali fil-kożmetika

Din id-deċiżjoni biex titmexxa ‘l quddiem ir-riżoluzzjoni ittieħdet wara li l-industrija tal-kożmetika tal-Unjoni Ewropea stess – li tħaddem mill-inqas 2 miljun impjegat – wriet li l-projbizzjoni fuq l-ittestjar fuq l-annimali ma pperikolatx l-iżvilupp jew il-kwalità tal-produzzjoni tas-settur.

Fi stqarrija, Dr Dalli qalet li jeżisti alternattivi għat-testijiet fuq l-annimali, bħalma huma l-organiżmi sempliċi bħal batterji jew tessuti u ċelloli tal-bniedem kif ukoll mudelli tal-kompjuter sofistikati.

Il-Membru Parlamentari Ewropew ħeġġet lill-istituzzjonijiet akkademiċi biex jippromwovu alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali u qalet li dan jimxi id f’id mar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll jinkoraġġixxi l-promozzjoni u t-tixrid ta’ inizjattivi ġodda.