Lokali
Il-pensjoni ta’ persuni li twieldu bejn l-1956 u l-1961 mhix se tiġi affettwata ħabba l-COVID

Il-Gvern għamel tibdil fl-Att tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni li twieldu bejn l-1956 u l-1961 biex ma jesperjenzawx tnaqqis fil-pensjoni minħabba li seta’ kellhom dħul inqas mindu faqqet il-pandemija bħal daż-żmien sena. B’din il-miżura huwa stmat li mal-2,500 persuna se jkunu affettwati minn dan l-aġġustament bil-għan li ma jkunx hemm diskrepanza negattiva fil-pensjoni.

B’tibdil fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali, persuni li twieldu bejn l-1 ta’ Jannar 1956 u l-31 ta’ Diċembru 1961, mhux se jkollhom impatt negattiv fuq il-pensjoni tagħhom minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon, spjegaw li hemm numru ta’ persuni li mindu faqqgħet il-pandemija f’Marzu tas-sena li għaddiet naqsitilhom il-paga meta kienu kważi waslu biex jibdew jieħdu l-pensjoni.

Intqal li kif dawn il-pensjonanti se tittieħdilhom il-medja tad-dħul li kellhom f’Jannar u Frar tal-2020 biex ma jkollhomx effett kruċjali fuq il-pensjoni finali tagħhom. Għal dawk li jaħdmu għal rashom – self employed – u li kellhom tnaqqis fid-dħul is-sena li għaddiet se jittiħdilhom l-istess dħul tal-2019/ Dan bil-għan li ma jkun hemm diskrepanza negattiva fil-pensjoni.

Il-Ministru Falzon spjega li meta ssir il-valutazzjoni tad-dħul personjabbli jittieħdu l-aktar salarji għolja għal tliet snin konsekuttivi jew l-iktar dħul f’10 snin konsekuttivi tal-aħħar 11, 12, 13-il sena qabel-l-età tal-irtirar skont id-data tat-twelid tal-persuna. Żied jgħd li l-Gvern m’għandux obbligu legali li jagħmel dan, imma għandu obbligu morali li jara li l-pensjoni ta’ dawn il-persuni ma titnaqqasx minħabba l-pandemija. Qal li jekk ikun meħtieġ dan l-aġġustament jista’ jerġa’ jsir.

“Il-pandemija għada magħna, allura jista’ jkun li sena oħra jkollna wkoll nieħdu din il-miżura fejn effettivament imbagħad ma niħdux id-dħul effettiv tat-21 imma nieħdu d-dħul effettiv li ħadna għall-2020 kif aġġustat.”

Il-Ministru Caruana, qal li din hija miżura soċjali, li se taffettwa l-ħajja tan-nies għal mill-inqas 20 sena.

“Il-Gvern qed jara li permezz ta’ din il-miżura d-dħul fil-pensjoni għal diversi familji jibqa’ l-istess daqslikieku l-pandemija ma eżistietx.”

Bejn l-2,000 u 2,500 persuna se jkunu affettwati minn dan l-aġġustament.