Waqt il-Kafé
Il-pepprina fuq il-pavru u l-karus għall-ġbir tal-flus

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Meta konna żgħar, għall-bidu ta’ Novembru, tal-iskola kienu jagħtuna kaxxa tal-kartun kemmxejn ċatta, qisha gabarrè kbir li fiha kien ikollna ħafna pepprin tal-karta biex jeħlu mal-pavru. Magħha kienu jagħtuna wkoll bott tal-plastik aħmar b’xaqq fil-wiċċ tiegħu, qisu karus, biex niġbru l-flus. U erħilna nduru t-toroq infittxu lil min jista’ joħdilna pepprina u jitfgħalna xi ħaġa tal-flus għall-familji tal-vittmi tal-gwerra.

Konna nsejħulha l-Poppy Day, il-11 ta’ Novembru, imma konna nibdew induru bil-“poppies” minn xi erbat ijiem qabel. Kont tara lil kulħadd bil-pepprina fuq il-pavru. U avolja kien ikollu kulħadd, minħabba li kont issib ħafna tfal ibiegħu minnhom, kont trid titħabat biex teħles mill-kaxxa kollha u tmur lura l-iskola bil-bott mimli biex jgħidulek bravu! Min jaf kemm dort toroq f’Raħal Ġdid u ġieli anki qbiżt ħitan in-naħa ta’ Wied Blandun bit-tagħbija pepprin se jaqgħu u ma jaqgħux forsi nilħaq qabel ħaddieħor u nfittex inbiegħ kollox.

It-tradizzjoni tal-pepprina ilha ġejja minn żmien l-ewwel gwerra dinjija. It-tabib Kanadiż John McCrae kien attenda funeral ta’ kollega tiegħu fil-militar u wara kiteb poeżija dwar il-pepprin li kiber madwar l-oqbra tal-vittmi tal-gwerra. In-nies bdew jassoċjaw il-pepprin mal-vittmi tal-gwerra u r-Re Ġorġ V beda t-tradizzjoni li xterdet mal-Commonwealth kollu, li kull sena ssir ċerimonja ta’ tifkira għall-vittmi u jitqiegħdu kuruni ta’ pepprin. Bdiet issir fil-11 ta’ Novembru 1919, sena eżatt wara li ntemmet dik l-ewwel gwerra. B’xorti ħażina, tletin wara dik l-ewwel gwerra inqalgħet gwerra kbira oħra li laqtet direttament lil pajjiżna wkoll.

Aħna li twelidna fl-aħħar 70 sena ta’ paċi f’Malta ma nafux bit-tbatijiet li għaddew missirijietna. Imma kollha kellna jew għandna qraba li jiftakru l-gwerra u kulħadd jaffaxxina ruħu jisma’ ġrajjiet dwar air-raids, ix-xelter, il-ġuħ, il-mard u s-sagrifiċċji li kellhom jgħaddu minnhom fil-ġlieda kontra l-Faxxiżmu u n-Nażiżmu. Illum, ftit ftit, dawk li jiftakru l-gwerra qegħdin jonqsu u magħhom qegħdin jonqsu wkoll il-pepprin minn fuq il-pavri. Ili żmien ma nara min ibiegħ il-pepprin.

Imma ċ-ċerimonja tat-tqegħid ta’ kuruni f’Malta, bħala parti mill-Commonwealth, għadha ssir. U ilha ssir ukoll. Minn dejjem saret madwar il-monument tal-gwerra fil-Furjana. Jindaqq il-last post, jinżamm mument ta’ silenzju u jitqiegħdu l-kuruni. F’dan ir-ritratt tidher waħda minn dawn iċ-ċerimonji meta lanqas l-Istitut Kattoliku kien għadu ma nbena. Ċerimonji simili ġieli saru wkoll ħdejn il-monument tal-vittmi tal-ajru fit-tieni gwerra li jinsab qrib il-funtana tat-Tritoni; inkella ħdejn il-qanpiena li hemm fuq il-Port il-Kbir.

F’Għawdex din iċ-ċerimonja dejjem saret mal-monument f’nofs it-Tokk… ħafna nies puliti jfakkru lill-vittmi u f’qalbhom jitolbu li ma jkunux huma wkoll vittmi ta’ xi air-raid mill-ħamiem tas-siġar ta’ fuqhom… u jekk ikunu żvinturati, mhux pepprina biss ikollhom fuq il-pavru.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Iż-żagħżugħ kien daħal il-ħabs ilbieraħ,…

Lokali

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ħabbar skema għal sajjieda biex jiġbru l-iskart tal-plastik li jinqabad fix-xbieki tagħhom minn qiegħ tal-baħar. Is-sajjieda ser jiġu kkumpensati għal plastik li jinġabar minnhom. Qal li…

Lokali

X Factor Malta qed isejjaħ għall-kontribut ta’ kompożituri u awturi li jixtiequ li l-kanzunetti tagħhom jiġu interpretati mill-kontestanti tal-programm. Il-kanzunetti li jiġu magħżula jiġu interpretati waqt il-‘live shows’ fil-fażi finali…

Aktar