Lokali
Il-Perit David Xuereb se jinħatar bħala Chairman tal-OHSA

Il-Perit David Xuereb se jinħatar bħala Chairman tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

Gradwat mill-Università ta’ Malta u universitajiet fl-Ingilterra, il-Perit Xuereb mexxa kumpaniji stabbiliti u kien fdat bi proġetti maġġuri kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra. Tul is-snin, il-Perit Xuereb kien attiv fl-oqsma tad-disinn sostenibbli u l-industrija l-ħadra. Għallem u kien mitlub jagħti preżentazzjonijiet u diskorsi f’diversi universitajiet u istituzzjonijiet, b’interessi partikolari fuq is-sostenibbiltà, l-ambjent u t-tibdil fil-klima.

Sa Marzu li għadda, il-Perit Xuereb kien President tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Malta, u huwa wkoll Direttur tal-Malta Enterprise u l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni li twaqqfet riċentament.

Il-Perit Xuereb se jkun qed iservi f’din il-kariga wara li Dr Manuel Mallia, li kien Chairman fl-aħħar snin, kien approvat biex ikun ir-Rappreżentant Għoli ta’ Malta fir-Renju Unit.