Lokali
Il-Pitkalija titmexxa minn aġenzija ġdida tal-Gvern – enfasi fuq il-kwalità tal-prodott

Daħlet f’fażi oħra riforma li ilha snin imwiegħda fil-Pitkalija, f’Ta’ Qali. Mal-Pixkerija, il-Pitkalija issa qed titmexxa minn aġenzija ġdida tal-Gvern iffukata fuq l-ikel li se tenfasizza fuq il-kwalità tal-prodott.

L-operat tal-Pitkalija u l-Pixkerija beda jaqa’ taħt il-kappa tal-Aġenzija għall-Ikel li twaqqfet bħala parti mir-riforma tal-Gvern fl-industrija tal-ikel. L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Ikel, Emanuel Schembri qal li l-għan prinċipali tal-Aġenzija hu li tgħolli l-livell tal-preżentazzjoni tal-prodotti lokali fosthom il-frott, il-ħaxix, il-ħut u l-laħam.

“Se naraw li jkun hemm kwalità tal-prodott. Se jsiru standards. Se jsir ipproċessar. Se jsir packaging attraenti li jkun jista’ jħabbatha aħjar u jinstab fuq il-kaxex tal-ħwienet f’Malta. Irridu wkoll inwassluhom ukoll f’supermarkets barra minn Malta wkoll.”

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Agrikoltura, Sharlo Camilleri qal li bit-twaqqif tal-Aġenzija l-Gvern għandu kontroll sħiħ ta’ x’qed jiġri fil-Pitkalija. Is-Sur Camilleri qal li bir-riforma kull prodott li jgħaddi mill-Pitkalija qed ikun irreġistrat f’sistema elettronika filwaqt li kull kaxxa qed tkun intraċċata permezz ta’ barcode biex il-bidwi jkun jaf x’sar mill-prodotti.

“Il-prezz, għandna iktar kontroll fuqu, u se naħdmu iktar ‘il quddiem biex anke jkun hemm iktar stabilizzazzjoni tal-prezzijiet billi jiġu introdotti wkoll, wara li introduċejna s-sistema elettronika, l-istandardizzazzjoni tal-prodott jiġifieri li jkun hemm iktar prodott uniformi fis-suq.”

Mistoqsi dwar il-pitkala privati fil-Pitkalija, is-Sur Camilleri qal li dawn m’għadhomx joperaw. Spjega, li l-Aġenzija ħarġet sejħa għal dawk li sejjaħ “aġenti”. Qal, li min din is-sejħa ġew ingaġġati seba’ aġenti.

“L-Aġenzija llum qed tmexxi l-operat bil-bejgħ kollu u t-tranżazzjonijiet fejn jidħlu l-flus u kif semmejna wkoll se jinfetaħ ukoll fil-jiem li ġejjin cash office ċentrali fejn hemmhekk se jinġabru l-ħlasijiet u l-Aġenzija tħallas dirett lill-bidwi mal-ewwel.”

Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo qal li t-twaqqif tal-Aġenzija u r-riforma fil-Pitkalija jidħlu kexxun mal-viżjoni tal-Gvern fil-qasam tal-ikel.

“Għandek l-importanza tal-ikel u l-katina tal-ikel u min-naħa l-oħra r-riforma tal-Pitkalija li hi importanti minħabba t-trasparenza u l-governanza tajba, u l-importanti l-iktar li l-bidwi jieħu dak li hu verament tiegħu.”

Il-Ministru Refalo qal li l-Aġenzija għandha sservi ta’ xprun għal agrikoltura iktar sostenibbli.