Stejjer Umani
Il-pittur li ma ħalliex il-marda taffettwalu l-mod kif iħares lejn il-ħajja

It-talenti ta’ artist Malti, maħkum minn marda rari, ma ħarbtitx ħajtu u issa l-esperjenzi tiegħu ssarrfu fi ktieb minn għalliema li temmen li l-bniedem għandu jħares lejn l-abilità u mhux id-diżabiltà.

L-abilità u mhux diżabilità hija ħaġa li temmen fiha Doris Schembri, għalliema tal-primarja fl-iskola Mariam Al-Batool, li tilqa’ fiha madwar 160 student Malti li jħaddnu r-reliġjon Musulmana.

Għaliha d-diversità hija l-qofol fit-tagħlim fl-iskola u tgħid li hekk kif it-tfal li tgħallem ma’ jagħmlu ebda distinzjoni fejn jidħol twemmin reliġjuż l-istess għandu jsir fejn jidħlu abilitajiet.

B’dan il-ħsieb f’moħħha għadha kemm ippubblikat ktieb għat-tfal fuq il-ħajja tal-artist ċelebri Franċiż Henri Matisse li minkejja li marad xorta kompla jpitter.

“L-idea kienet li noħorġu l-abilitajiet flok id-diżabilitajiet. Il-ktieb iddeċidejna nagħmluh bħala skola l-publisher Miss Joanne, Miss Elaine l-illustrator u Mr Etienne d-designer”.

Din mhux l-ewwel darba li Doris Schembri ppruvat tqajjem kuxjenza fuq id-diżabilità.

Pubblikazzjoni oħra tagħha hija Salvu ta’ Manini – rakkonti permezz ta’ poeżiji dwar il-ħajja ta’ Salvu Camilleri (ritratt), pittur Malti li għalkemm ħakmitu marda rari għadu għaddej ipitter bi tbissima fuq wiċċu u l-mod kif jgħix ma’ nbiddlitx.

“La tista toqgħod ħafi … la tista’ tmiss affarijiet jaħarqu …. għax tbati il-konsegwenzi … allura trid toqgħod attent … by trial and error. Il-ħajja trid tagħmilha int. Issa jekk se toqgħod ġo rokna teqred se tiddejjaq int, se ddejjaq lil ta hdejk … u se ddejjaq lill-mara allura nipprova li I make it as lively as possible”.

Salvu jpitter kuljum u kullimkien, saħansitra anke meta jkun l-isptar fejn ikollu jmur għall-kura ta’ spiss.

Huwa jgħid li ħassu kuntent li Doris Schembri ħadet l-esperjenzi tiegħu biex tqajjem kuxjenza dwar l-abilitajiet u mhux diżabilitajiet għax jemmen li b’hekk kif għamel hu nies bħalu jibqgħu jħarsu lejn il-ħajja b’mod pożittiv.