Kultura
Il-pittura tal-kappellun tad-Duluri fl-Isla se jkollha referenza għall-COVID-19

Pittura ġdida fil-Kor tal-Bażilika tal-Isla tirappreżenta lit-Trinità Mqaddsa b’mod differenti minn kif narawha s-soltu… bi tliet figuri li juru l-missier avvanzat fl-età, l-iben f’età żagħżugħa u l-ispirtu s-santu forma ta’ ħamiema. Il-pittura, xogħol l-artist żagħżugħ Għawdxi Manuel Farrugia, ġiet inawgurata f’sena speċjali għas-Sengleani.

Fis-sena li fiha l-Isla qed tfakkar l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tal-Bażilika u tal-inkurunazzjoni tal-istatwa devota tal-Bambina, is-Sibt filgħaxija diversi Sengleani nġabru għall-inawgurazzjoni tal-ewwel parti mill-pittura tas-saqaf tal-Bażilika, xogħol li ġie fdat f’idejn l-artist żagħżugħ Għawdxi Manuel Farrugia.

Ix-xogħol li tlesta jinvoli l-pittura tal-kor li nkixfet fi tmiem quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna fl-ewwel Sibt tal-Bambina – li jwitti t-triq għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festa ta’ Marija Bambina fit-tmienja ta’ Settembru.

L-Arċipriet, il-Kanonku Robin Camilleri fisser dan ix-xogħol bħala ħolma ta’ kull Senglean kemm tal-passat u tal-preżent.

“Il-ħsieb tagħna hu l-knisja tagħna terġa’ tingħata l-glorja li kellha qabel il-gwerra. Din il-parroċċa kienet żvinturata li fil-gwerra ġiet milquta sew, 80% ta’ din il-bażilika waqgħet u allura arċipriet wara l-ieħor baqa’ jinvesti fid-dekorazzjoni ta’ din il-bażilika, issa kien imiss li npitru wkoll is-saqaf.”

Il-pittura fis-saqaf fuq wara l-artal, turi fil-parti ċentrali t-twelid tal-Madonna, bit-Trinità tħares din il-ġrajja u b’ħafna anġli fil-madwar. Fil-partijiet triangulari ta’ fuq it-twieqi nsibu żewġ profeti: Iżaija u Eżekjel. L-anġli jirrappreżentaw il-messaġġi li Alla jibgħat fid-dinja u għalhekk hawn huma tfakkira tal-messaġġ ta’ ferħ li dan it-twelid ġab għax bih beda l-aħħar kapitlu ta’ stennija tal-Messija.

It-Trinità hija rappreżentanta b’mod differenti minn kif mdorrijin naraw fil-knejjes. L-artist għażel li jirrappreżenta dan il-misteru bi tliet irġiel wiċċ wieħed.

“Daħħalt l-idea tal-ikona ta’ Andrei Rublev li l-figuri mhumiex impittra tradizzjonalment l-iben huwa raġel, il-missier l-anzjan u l-ispirtu s-santu ħammiema imma daħħalt tliet persuni l-istess wiċċ f’Alla wieħed.”

Marija tidher bħala tarbija mfisqija fi ħdan ommha, b’missierha ħdejha u l-qaddejja qrib tagħhom – simbolu li bħal kulħadd Marija kellha l-bżonnijiet tagħha. Is-sodda li fuqha twieldet Marija tagħti lemħa lil tempju għax it-twelid tagħha kien qaddis, skont ir-rieda ta’ Alla fit-twettiq tal-pjan tiegħu.

Fuq tila ta’ 137 metru kwadru nsibu mal-40 figura.

L-Arċipriet spjega li l-pass li jmiss hu li jibda x-xogħol fuq il-pittura tal-kappellun tad-duluri, bl-artist qal lil TVM li beħsiebu jagħmel referenza għall-pandemija tal-COVID-19 għax fi kliemu l-arti tirrifletti ż-żminijiet tagħna.