COVID-19
Il-pjan ta’ rkupru ta’ Malta ta’ €320M. quddiem il-Kabinett it-Tnejn

Nhar it-Tnejn il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed iressaq quddiem il-Kabinett il-pjan ta’ kif Malta se tkun qed tonfoq it-€320 miljun li se tkun qed tingħata mill-UE  bħala parti mill-fondi ta’ irkupru mill-pandemija.

Dr Abela ħabbar dan f’kummenti li ta lil TVM fi tmiem il-laqgħa tal-mexxejja Ewrope li saret matul dawn il-jumejn fi Brussell.

It-taħdidiet tal-lum kienu ffukati fuq kif l-ekonomija Ewropea se tingħata spinta b’dawn il-fondi li huma meħtieġa għal kull pajjiż tal-blokk Ewropew wara d-daqqa li qalgħu kawża tal-Covid.

Is-sehem ta’ Malta jifforma parti mill-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja ta’ €750 biljun li l-UE se tagħti lill-pajjiżi membri biex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea.

“Issa daqt se jkollna disponibbli għodda ġdida fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku – dik li nnegozjajna f’Lulju tas-sena li għaddiet. Hemmhekk irnexxielna ninnegozjaw pakkett speċifiku ta’ madwar €320 miljun fi ħdan in-Next Gen EU u f’dawn l-aħħar xhur konna għaddejjin f’taħditiet mal-Kummissjoni dwar il-pjan tagħna ta’ kif se nkunu qegħdin nonfqu dawn il-fondi f’proġetti diversi”, sostna l-Prim Ministru.

Dr Abela qal li t-taħditiet dwar kif Malta tista’ tuża dawn il-fondi li l-UE allokat għall-irkupru ekonomiku mill-pandemija ilhom għaddejjin ix-xhur.

Huwa spjega li d-diskussjonijiet damu ftit minħabba diverġenza f’punti ta’ prinċipju madankollu nhar it-Tnejn se jressaq quddiem il-Kabinett il-pjan li għandu pajjiżna dwar kif se jintużaw dawn il-fondi.

“Għaldaqstant nista’ nħabbar illum li nhar it-Tnejn li ġej se nkun qiegħed intella’ l-pjan li għandu pajjiżna dwar dawn il-fondi quddiem il-Kabinett għall-approvazzjoni tiegħu. Se nkunu qed inressqu l-RRP ukoll quddiem il-Parlament Malti mbagħad jintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea b’mod formali għall-approvazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni jkollha xahrejn sabiex tista’ titlob xi bidliet żgħar imma din se tkun għodda kruċjali li nistgħu nonfqu dawn it-€320 miljun fi proġetti importanti għal pajjiżna”.

It-taħdidiet tal-mexxejja Ewropej illum kienu ffukati fuq l-irkupru ekonomiku ta’ kull stat membru tal-UE, fosthom Malta, kif ukoll l-ekonomija Ewropea għall-ġejjieni.

Dr Abela wera ruħu sodisfatt li l-ekonomija ta’ pajjiżna miexja fit-triq it-tajba.

“Kburi ngħid li f’pajjiżna bis-saħħa tal-miżuri robusti li daħħalna waqt il-pandemija, fosthom dak ta’ sapport għall-impjiegi tagħna, il-‘wage supplement’ u skemi oħrajn li għamilna, illum qegħdin naraw il-frott ta’ dawk id-deċiżjonijiet għax għandna ekonomija li qiegħda tirkupra b’mod b’saħħtu. Insemmi wkoll is-settur tat-turiżmu li qed jirpilja b’mod tajjeb u hemmhekk li rridu naħdmu”.

Kienu sigħat impenjattivi dawk fi Brussell. Jumejn li matulhom il-mexxejja Ewropej iddiskutew diversi suġġetti bħar-Russja, it-Turkija u l-kwistjoni tad-drittijiet ċivili fil-kuntest tal-emendi fil-liġijiet li għamlet l-Ungerija.

Fi kliem Dr Abela dan kien summit importanti ħafna għax tratta l-politika internazzjonali tal-UE.