Lokali
FILMAT: Il-pjazza tal-Kalkara se tinbidel fi spazju pedonali bħala parti minn proġett ta’ €6 miljun

Il-Pjazza u x-xatt tal-Kalkara se jieħdu xejra għalkollox ġdida permezz ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni b’investiment ta’ €6 miljun.

Id-dettalji tal-proġett ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħad li l-proġett kiseb diġà l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar u huwa l-frott ta’ proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Kalkara u diversi għaqdiet u setturi tal-komunità Kalkariza.

Il-proġett li se jitwettaq mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir jinkludi bosta xogħlijiet ta’ titjib għall-komunità Kalkariża, fosthom 650 metru ta’ pavimentar ġdid b’bankijiet ġodda u b’aċċess aħjar għall-baħar u li se jkun parti minn passaġġ pedonali ta’ 4.5 kilometri minn Bighi sal-ponta tal-Isla.

Fit-tnedija tal-proġett, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li l-proġett jinkludi wkoll it-tħawwil ta’ bosta siġar ġodda b’sistema ta’ irrigazzjoni li tiżgura tisqija effiċjenti għal żoni tal-pajsaġġ.

Il-pjazza ta’ quddiem il-knisja se tiġi ttrasformata f’żona pedonali u fost faċilitajiet oħra mistennija li jinbnew tliet kannizzati li jservu bħala spazju fejn in-nies se jkunu jistgħu jiltaqgħu u jissoċjalizzaw, kif ukoll bandli ġdid fil-pjazza li se toffri ambjent aktar sigur u aċċessibbli għat-tfal.

Iċ-Chairman tal-GHRC Anthony Agius Decelis qal l-proġett jinkludi wkoll sistemi ġodda ta’ drenaġġ u ilma, sistema ġdida ta’ sigurtà permezz ta’ cameras tas-CCTV, u sistema ġdida ta’ dawl li se tikkumplimenta kemm iż-żona pedonali u l-pjazza, kif ukoll sistemi oħra ta’ dawl ippjanati għas-swar tal-Kottonera.

Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina laqa’ dan l-investiment għar-riġenerazzjoni tax-xatt tal-Kalkara u qal li din hija ħolma għall-poplu Kalkariż li jinsabu ħerqanin biex jarawha titwettaq.