Lokali
Il-Pjazza tax-Xewkija se tinbidel f’7 kċejjen b’50 platt differenti

Il-Pjazza tax-Xewkija se tospita l-ewwel edizzjoni Għawdxija tal-Festival Internazzjonali tal-Ikel.  Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex li fiha ntqal li fost il-parteċipanti, se jkun hemm 7 kċejjen internazzjonali li se joffru għażla ta’ xejn inqas minn 50 platt differenti li żgur se jolqtu l-gosti ta’ dawk kollha li se jżuru dan il-festival.  

Il-Ministru Caruana qalet li dan l-avveniment se jagħti promozzjoni speċjali lill-prodott Għawdxi.  Fl-istqarrija Dr Caruana rrimarkat fuq l-importanza li l-Gvern Ċentrali qed jagħti sabiex jiġu organizzati aktar attivitajiet kulturali ta’ kwalità, filwaqt li qalet għandu jingħata sostenn mhux biss lil dawn l-organizzazzjonijiet imma anke lill-individwi li juru impenn sabiex tittella’ attività kulturali.

Matul is-serata se jieħdu sehem bosta bands u kantanti Maltin, kif ukoll se jkun hemm animazzjoni għat-tfal.  Il-festival se jsir nhar is-Sibt 2 ta’ Settembru u d-dħul huwa bla ħlas.  Preżenti għat-tnedija ta’ dan l-avveniment kien hemm ukoll is-Sindku tax-Xewkija Paul Azzopardi, kif ukoll il-moħħ wara dan il-festival, Quinton Scerri.