Lokali
Il-PL jgħid li bi Gvern Laburista l-Maltin għażlu valuri b’saħħithom

Il-Partit Laburista permezz tad-deputati tiegħu Rosianne Cutajar u Stephan Zrinzo Azzopardi qal li meta għażlu Gvern Laburista, il-Maltin għażlu valuri b’saħħithom, b’opportunitajiet lil kulħadd, l-ugwaljanza, il-ġustizzja, il-ħajja u l-ambjent.

F’konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat Cutajar qalet li l-kumment tad-deputat David Stellini, li Joseph Muscat għandu appoġġ għax il-Maltin jinterressahom minn buthom, huwa arroganti u klassista. Qalet li jkun aħjar li d-deputat Stellini jsir jaf lill-poplu Malti u Għawdxi u l-valuri li jħaddnu milli jagħmel mistoqsijiet fil-parlament dwar kemm saru photocopies. Hija semmiet diversi deċiżjonijiet li ħa l-Gvern ibbażżati fuq valuri u l-libertajiet ċivili.

Dr Zrinzo Azzopardi qal li hu ta’ għajb li fil-politika hemm min jaħseb li għandu monopolju fuq il-valuri. Qal li argumenti bħal dawn juri kemm min jagħmilhom hu maqtugħ mill-Maltin u l-Għawdxin u kemm ma fhemx għal xiex il-poplu b’maġġoranza kbira għażel lill-Partit Laburista.