Politika
Il-PL jgħid li ħarġet id-differenza bejn iż-żewġ mexxejja wara d-diskorsi dwar il-Budget 2019

Il-Partit Laburista (PL) qal li d-diskorsi tal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-Budget 2019 komplew jixhdu d-differenza fil-ħsieb ekonomiku u politiku taż-żewġ mexxejja.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista  Byron Camilleri u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph De Battista qalu li filwaqt li l-Prim Ministru tkellem dwar l-ottimiżmu u l-fiduċja fil-poplu Malti, id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien ikkaratterizzat minn politika tal-biża’.

Dr De Battista spjega kif Dr Adrian Delia ikkwota ħażin fatti li hemm fid-dokument ta’ qabel il-Budget tal-PN fosthom dwar kemm qed togħla l-ħajja u kemm naqas il-faqar.  Dr Camilleri qal li l-moviment Laburista se jkompli jmexxi l-bidla li tixhed id-differenza li hemm bejn iż-żewġ partiti.