Politika
Il-PL jgħid li Metsola u Casa huma kompliċi fi ħsara kontra l-pajjiż, il-PN iwieġeb

Il-Partit Laburista qal li l-ewro parlamentari Roberta Metsola u David Casa flimkien mal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech huma kompliċi fil-ħsara kontra l-pajjiż.

F’konferenza tal-aħbarijiet id-deputat Ian Castaldi Paris qal li Roberta Metsola u David Casa qabżu għall-Bulgarija, li jitmexxa minn gvern li jappartjeni lill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew, u vvutaw kontra rapport li jikkundanna lill-Bulgarija għall-aġir anti-demokratiku tiegħu. Id-deputat Castaldi Paris qal li l-aġir tal-ewro parlamentari Nazzjonalisti jweġġa’ lil Malta.

Id-deputat ewro parlamentari Miriam Dalli qalet li din il-ġimgħa Malta rat verament id-differenza fl-attitudni lejn is-saltna tad-dritt u r-rule of law bejn iż-żewġ partiti. Qalet li dan joħroġ ċar meta tqabbel l-aġir tal-esponenti tal-Partit Nazzjonalista mal-kliem ta’ tifħir lill-gvern Malti mill-Kummissjoni Venezja din il-ġimgħa stess, dwar ir-riformi favur is-saltna tad-dritt li saru f’pajjiżna. Qalet li jekk l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista jemmnu fid-demokrazija u r-rule of law iridu juru bl-iktar mod ċar li jemmnu f’dawn l-affarijiet kullimkien u ma’ kull pajjiż.

Fi stqarrija b’reazzjoni, l-ewro parlamentari Nazzjonalisti David Casa u Roberta Metsola qalu li kemm taħt Dr Joseph Muscat kif ukoll taħt Dr Robert Abela, l-ewro parlamentari tal-Partit Laburista dejjem ħaduha kontra l-Maltin u l-Għawdxin, basta jiddefendu lill-Partit tagħhom.

Huma qalu li l-fatti huma li r-riżoluzzjoni ta’ din il-ġimgħa ma kinitx fattwali u nkitbet f’temp ta’ ftit sigħat b’diversi żbalji, li ma kinitx riżoluzzjoni favur jew kontra l-Bulgari. Is-Sur Casa u Dr Metsola qalu li kif għamlu din il-ġimgħa, se jibqgħhu jaħdmu biex jidħol fis-seħħ mekkaniżmu li jiddefendi lin-nies, ġejjin minn liema pajjiż ġejjin, kontra l-korruzzjoni.