Kunsilli Lokali
Il-PL jirbaħ l-elezzjonijiet tal-Kunsilli lokali b’maġġoranza ta’ ftit aktar minn 47,000 vot

Fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ġew eletti 464 kunsillier, 268 f’isem il-Partit Laburista, 192 f’isem il-Partit Nazzjonalista, żewġ kandidati f’isem l-Għarb L-Ewwel, u żewġ kandidati indipendenti (Żebbuġ Malta u Żebbuġ Għawdex).

Il-Partit Laburista rebaħ dawn l-elezzjonijiet b’maġġoranza ta’ 47,116. Waqt li l-Partit Laburista kiseb 150,514 vot jew 57.96%; il-Partit Nazzjonalista kiseb 103,398 jew 39.82%. Il-partiti l-oħra u l-kandidati indipendenti kisbu 5,762 jew 2.22% tal-elettorat.

Wara tliet ijiem ta’ għadd tal-voti ta’ 67 lokalità, il-Partit Laburista rebaħ il-maġġoranza f’47 lokalità u l-Partit Nazzjonalista kiseb il-maġġoranza f’19-il lokalità inkluż l-Imdina fejn ma saritx elezzjoni għall-kunsill għax ikkontestaw ħames persuni, daqskemm iridu jiġu eletti kunsilliera.

Il-Partit Laburista rebaħ il-Kunsilli Lokali tal-Mosta, is-Siġġiewi, il-Belt Valletta ,San Pawl il-Baħar u San Ġwann mingħand il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista rebaħ il-Munxar mingħand il-Parit Laburista.

Fl-Għarb, fis-seduta li jmis il-kunsilliera eletti bejniethom jiddeċiedu min ser jieħu l-kariga ta’ sindku peress li ġew eletti żewġ kunsilliera f’isem l-Għarb l-Ewwel u żewġ kunsilliera f’isem il-Partit Laburista. L-istess fiż-Żebbuġ Għawdex wara li ġew eletti żewġ kunsilliera f’isem il-Partit Laburista u żewġ kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista. Hawnhekk, il-ħames kunsillier huwa indipendenti.

Fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali vvutaw 273,780, jew 63.1% tal-voti reġistrati. Voti invalidi kien hemm 14,106, jew 5.2%.