Lokali
Il-PL mhux jifhem kemm Malta għandha bżonn tibni r-reputazzjoni – il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li Dr Edward Zammit Lewis ma jistax jibqa’ Ministru u sostna li sakemm il-Prim Ministru Robert Abela iħallih fil-kariga jkun ifisser li jiġi jaqa’ u jqum mill-Maltin. Qal li issa ħareġ biċ-ċar li Dr Zammit Lewis kien qrib Yorgen Fenech li kien sar magħruf li hu s-sid ta’ 17 Black. Dr Grech qal li Dr Zammit Lewis m’għandux rispett lejn l-elettorat Malti għax għajjarhom b’kelma ta’ disprezz u li wera li għalih huma inferjuri.

Dr Grech qal li l-Prim Ministru Robert Abela kellu opportunità li mill-paroli jgħaddi għall-fatti. Sostna li min-naħa l-oħra, meta kiteb lill-ispeaker biex jitlaqqa’ l-parlament, għal mozzjoni ta’ sfiduċja fi-konfront ta’ Dr Zammit Lewis, Dr Anglu Farrugia m’aċċettax din l-istedina. Il-Kap Nazzjonalista qal li dan ifisser li l-Partit Laburista mhuwiex jifhem kemm Malta għandha bżonn terġa tibi r-reputazjoni tagħha. Qal li min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista mhuwiex ikkontrollat mill-kriminali u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid jibni storja ġdida u ta’ suċċess.

Dwar il-PBS, Dr Grech qal li bi preżentaturi bħal Mark Laurence Zammit u Ben Camille jagħmlu l-istqarrijiet li għamlu, sostna li fuq TVM jkun hemm il-messaġġ biss tal-Prim Ministru u tal-Partit Laburista. Wiegħed li bil-Partit Nazzjonalista fil-Gvern l-istazzjon nazzjonali jkun ħieles għax qal li l-poplu għandu dritt li jkun jaf il-verità, imbagħad jiżen hu.