Lokali
Il-PL u l-PN jiltaqgħu ma’ delegazzjoni miċ-Ċina

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Partit jrid li jkompli jibni fuq ir-relazzjoni eċċellenti maċ-Ċina. Dr Delia qal dan meta fid-dar ċentrali ltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-Partit Komunista Ċiniż li bħalissa tinsab f’Malta.

Dr Delia qal li għalkemm iċ-Ċina hija kbira ħafna f’kuntrast ma’ Malta u għandha kultura differenti minn dik Maltija xorta hemm kwalitajiet li jqarrbu liż-żewġ popli lejn xulxin fosthom il-valuri tal-familja, is-sistema ta’ etika u l-importanza tal-komunità.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Ċiniża l-Professur Hao Ping qal li kien impressjonat bl-istorja tal-gżejjer Maltin u anke l-akkoljenza tal-poplu Malti. Qal li huwa ltaqa’ mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex jispjegalu dak li ddeċieda d-19-il kungress tal-Partit Komunista Ċiniż.

Id-Delegazzjoni Ċiniża li bħalissa qed iżżur diversi pajjiżi Ewropej ltaqgħet ukoll mad-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona. Dr Cardona tkellem dwar ir-rabtiet ekonomiċi u soċjali li hemm bejn iż-żewġ popli u l-koperazzjoni li hemm bejn iż-żewġ naħat mibnija fuq il-fiduċja.

Fil-laqgħa l-Ministru Cardona u l-Professur Hao Ping tkellmu dwar il-konklużjonijiet tal-Kungress Nazzjonali Ċiniż tal-Partit Komunista.