Politika
Il-PM b’ittra lill-President tal-KE dwar l-importanza għal suq uniku għax-xiri tal-mediċini

Il-Prim Ministru Robert Abela f’ittra lill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel saħaq dwar l-importanza ta’ suq uniku għal dak li għandu x’jaqsam ma’ xiri ta’ mediċini għall-pazjenti.

Fl-ittra, il-Prim Ministru kiteb dwar l-importanza ta’ suq uniku għax-xiri ta’ mediċini li minnu jistgħu jibbenefikaw il-pazjenti u ċittadini Ewropej.

Dr Abela jittama li din il-kwistjoni titpoġġa fuq nett fl-aġenda ta’ diskussjoni fost il-mexxejja Ewropej. Qal li d-dibattitu dwar il-vaċċin kontra l-Covid-19 għandu jittieħed bħala mument opportun biex jiġi diskuss ukoll dan in-nuqqas li qed iqajjem tħassib kbir fost pajjiżi żgħar u inqas għonja mill-oħrajn.

Il-Prim Ministru kompla jgħid kif l-aċċess għall-mediċini jibqa’ dejjem dipendenti fuq il-vijabbiltà finanzjarja tal-prodott farmaċewtiku fis-suq ta’ kull Stat Membru. Qal li s-swieq saru problema speċjalment fost dawk il-pajjiżi żgħar fl-UE.

Dr Abela qal li Big Pharma għandha jkollha l-obbligu li toħloq prodotti madwar l-UE kollha fi żmien raġjonevoli ladarba il-prodott jidħol fis-suq Ewropew.