Lokali
Il-PM b’konferenza tal-aħbarijiet

Mill-10 ta’ Mejju se jitnaqqsu aktar miżuri; l-isport non contact jista’ jitkompla bla spettaturi mentri l-isport contact se jerġa’ jibda, ikomplu l-lezzjonijiet ta’ duttrina u attivitajiet extra kurrikulari. Dan ħabbru l-Prim Ministru waqt il-konferenza stampa tal-lum fejn qal ukoll li ristoranti u snack bars jistgħu jiftħu sal-17:00 wara jeqilbu fuq bażi ta’ take away. Ma’ kull mejda se jkunu jistgħu jpoġġi 4 persuni. Se titneħħa wkoll ir-restrizzjoni tal-ivjaġġar bejn Malta u Għawdex filwaqt li se jerġgħu jibdew jarmaw is-swieq.

Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar ġimgħat bid-deċiżjonijiet li ttieħdu u s-sagrifiċċji, in-numri ta’ każi pożittivi nżammu baxxi. Għada kif pjanat se jitneħħew miżuri fosthom li se jifħtu l-ħwienet mhux essenzjali, jiftħu l-mużewijiet, mistiedna se jitilgħu sa 4 minn 4 households differenti fid-djar residenzjali u se jkunu permessi ż-żjarat fl-isptar u f’Monte Carmeli. Minn għada wkoll fil-pubbliku jkunu jistgħu jiltaqgħu 4 persuni.

Qal li aktar minn 100,000 persuna ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin kontra l-COVID-19, filwaqt li tħabbar li 45 miljun ewro f’vawcers se jitqassmu lin-nies fi ftit ġimgħat oħra li se jkunu vouchers ta’ €60 u €40.

Il-Prim Ministru qal li l-mira hi li fl-10 ta’ Ġunju l-pajjiż jiftaħ għat-turisti fejn qed issir ħidma biex filwaqt li tinżamm prijorità s-saħħa tan-nies, fis-sajf jiġi ġġenerat ix-xogħol għall-Maltin u l-Għawdxin.
Sitwazzjoni Covid
Id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne qal li mqabbla ma’ pajjiżi oħra fejn il-pandemija reġgħet għolliet rasha, f’Malta s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll bi 3 pazjenti biss rikoverti fl-ITU bil-virus mentri fis-swali oħrajn ta’ Mater Dei hemm 35 ruħ. Dan qalu wkoll fl-isfond li fl-aħħar 24 siegħa nstabu 25 każ ġdid. Qal li f’Malta hemm bżonn nibqgħu nlaqqmu b’mod aggressiv.
Maltin li jkunu mlaqqma jistgħu jmorru f’pajjiżi li saru magħhom arranġamenti bilaterali, jistgħu jivvjaġġaw mingħajr restrizzjonijiet mix-xahar li ġej. L-istess jingħad għat-turisti. Dawk mingħajr ċertifikat ta’ tilqima jridu jippreżentaw PCR test negattiv. Id-Deputat Prim Ministru qal li f’Ġunju l-attivitajiet tal-massa mhux se jsiru u ċ-ċertifikat tal-vaċċin se jidħol fis-seħħ f’Mejju.
Ħwienet u servizzi
Il-Professur Gauci qalet li l-miżuri li hemm għandhom jibqgħu b’mezzi ta’ mitigazzjoni. Qalet li l-operatur jew sidien tal-ħwienet ma għandhomx idaħħlu persuni ma jifilħux. Massimu ta’ persuni fil-post ma jistax jaqbeż persuna kull 4 metri kwadri u dwar dan għandha titwaħħal plakka barra mill-istabbiliment. Is-Supretendent reġgħet saħqet dwar l-importanza tal-hand sanitizer, l-użu tal-maskri anke fl-istabbilimenti. Iċ-changing rooms jistgħu jintużaw iżda qalet li jridu jitnaddfu wara kull użu. Ħwejjeġ u żraben li jiġu ppruvati jridu jibqgħu 72 siegħa kwarantina wara li l-klijenti jippruvawhom. Fil-ħwienet tal-xagħar irid jitpoġġa l-perspex bejn kull klijent u ieħor. Proċeduri li jaħdmu bil-fwar m’għandhomx isiru għas-sigurtà kemm tal-klijenti kif ukoll tal-ħaddiema. Fejn jidħol make-up, għandhom jintużaw il-pnieżel tal-klijent jew jintużaw pnieżel li wara l-użu jintremew.
Tiġijiet
Mill-1 ta’ Ġunju jistgħu jerġgħu jibdew it-tiġijiet, bil-miżuri applikabbli għat-tiġijiet se jiġu ppubblikati fil-ħin li ġej. Barra permissibbli sa 300 ruħ mentri ġewwa permissibbli sa 100 ruħ. Il-Professur Gauci qalet li tapplika hawn ukoll il-miżura li ma jistax ikun hemm aktar minn persuna waħda għal kull 4 metri kwadri. Kompliet tgħid li t-tiġijiet se jsegwu l-protokolli tar-ristoranti fejn bars u buffets mhux permissibbli.
Ilbies tal-maskri