Il-PM dwar rapporti ta’ intriċċi fl-elezzjoni minn servizzi sigrieti barranin – reazzjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li jaf bir-rapporti kkwotati minn reviżta speċjalizzata dwar is-servizzi sigrieti li qed jimplikaw il-possibbiltà ta’ ndħil mir-Russi biex jiddistabilizzaw il-Gvern tiegħu minħabba pożizzjonijiet poltiċi li ħa. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sejjaħ din l-allegazzjoni bħala redikola u assurda.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jinsab infurmat minn servizzi sigrieti internazzjonali dwar il-possibbiltà ta’ ndħil Russu fl-elezzjoni f’Malta. Dr Muscat ikkonferma dan meta wieġeb mistoqsija tal-Malta Today dwar rapport fis-sit ta’ intelliġenza li allega li l-MI6 tal-Ingilterra u s-CIA jinsabu mħassbin dwar ċerti intriċċi fl-elezzjoni f’Malta.

Ir-rapport ippubblikat fuq IntelligenceOnline.com jgħid li l-MI6 u CIA huma mħassba ħafna dwar il-whistleblower Russa u l-partner tagħha wara allegazzjonijiet li saru fuq il-kumpanija Egrant. Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan ir-rapport, Dr Muscat wieġeb b’kawtela.

“Iva, aħna ġejna informati minn Security Services ta’ pajjiżi oħra li din l-istorja ġiet ivvintata wara li aħna rrifjutajna li nagħtu l-fjuwil lil vapuri Russi li kienu sejrin is-Sirja u s’issa m’għandniex evidenza li l-persuna li vvintat l-istorja hija persuna relatata mas-Servizzi Sigrieti Russi. Hija xi ħaġa li ma ħarġux biha is-Servizzi tas-Sigurtà Maltin, imma informawna dwarha s-servizzi tas-sigurtà ta’ pajjiżi alleati tagħna”, qal Dr Muscat.

Ir-rapport tal-IntelligenceOnline.com jgħid li MI6 u CIA qed juru tħassib dwar koppja Russa identifikata bħala Maria u Alex

Zaslavsky li jgħix fl-istess appartament. Uffiċjali wrew tħassib li hemm sforz biex jiġi imminat il-Gvern Malti fuq ordni tal-Kremlin fi żmien meta l-Gvern ta’ Joseph Muscat qed ixaqleb lejn il-pożizzjonijiet tal-Punent u kontra Moska kemm fuq l-Ukrajna kif ukoll fuq is-Sirja.

Irreaġixxa għall-kummenti tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li qal li hu assurd li xi ħadd jaħseb li fil-kwistjoni EGRANT hemm is-servizzi sigrieti Russi warajha. Qal li r-reazzjoni tal-Prim Mnisru redikola.

“Kieku kien hemm vera din it-tip ta’ theddida, naħseb li l-ewwel ħaġa li jmissu jagħmel li kieku kien serju kien isejjaħ laqgħa tas-security committee, li jien membru tagħha u l-Prim Ministru m’għamilx hekk. Jien nemmen li din hi attentat iddisprat ta’ Muscat clutching at straws ngħidu bl-Ingliż ta’ xi ħadd li jew qed jegħreq jew qed jipprova jsib xi ħaġa biex isalva biha jew inkella agħar minn hekk qed iniżżel lil kulħadd miegħu”, qal Dr Busuttil.

Dr Busuttil argumenta li hu assurd ukoll għax il-każi li jsemmi l-Prim Ministru dwar il-viża tal-Ukreni u t-tanker Russu li ġie rrifjutat il-fuel fi triqtu lejn is-Sirja, ġraw ferm wara li r-Russa kienet taħdem mal-bank Pilatus fejn allegatmanet rat id-dokumenti fuq l-Egrant.

Aħbarijiet Oħra

Dokumentarju ta’ Television Malta tefa’ dawl ġdid fuq kif mijiet ta’ eks tarznari kienu esposti għall-asbetos u żviluppaw kumplikazzjonijiet mediċi fosthom kanċer tar-rita tal-pulmun. Ħaddiema rrakuntaw li min fittex lill-kumpaniji…

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista qalet li fit-tieni jum tal-votazzjoni bikrija tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit ivvotaw 32% tat-tesserati eleġibbli li jivvotaw. B’hekk, it-total ta’ dawk li vvutaw s’issa bejn il-bieraħ u…

F’messaġġ rekordjat lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-pandemija tal-Covid-19 laqtet is-sistemi tas-saħħa, l-ekonomiji u s-soċjetajiet dinjija. Qal li hu għalhekk li l-pajjiżi l-iżjed milquta u…

Il-Gvern illejla ħabbar tisħiħ fil-miżuri ta’ kontinġenza fil-qasam tad-djar tal-anzjani. Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva qal li meta jiġi identifikat każ pożittiv f’dar tal-anzjani, dak ir-resident se jintbagħat fl-isptar Pawlu Boffa…

Aktar