Politika Lokali
Il-PM emozzjonat – l-inkjesta kkonfermat li d-dokumenti tal-Egrant kienu ffalsifikati

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li llum qed issir ġustizzja miegħu, mal-familja tiegħu u mal-pajjiż.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru qal li r-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja jikkonferma dik li sejjaħ il-kalunja li għamel fil-konfront tiegħu l-ex kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Il-Prim Ministru qal li issa Dr Busuttil ma jistax jibqa’ jirrappreżenta lill-poplu fil-Parlament u għandu jirriżenja.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja tagħti prova ċara u indipendenti li ma kinux minnhom l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu, ta’ martu Michelle jew nies qrib tagħhom.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-preżenza tal-grupp Parlamentari Laburista, il-Prim Ministru qal li ma nstabet l-ebda evidenza li l-kumpanija Egrant hi tiegħu, ta’ martu jew ta’ xi ħadd qrib tiegħu.

Dr Muscat qal li l-akbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta, mhux biss hija konfermata imma ċertifikata minn inkjesta ta’ membru tal-ġudikatura li ma ntgħażilx minnu u li ħa ħmistax-il xahar biex stabbilixxa l-fatti sal-iċken dettall. Osserva li mill-inkjesta ħareġ li ġew iffalsifikati dokumenti u firem biex jinġiebu bħala evidenza kontrih u kontra martu. Qal li dan hu reat kriminali.

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat qal “id-declerations of trust, il-karti li kellhom ikunu l-prova prinċipali li l-kumpanija Egrant hija ta’ marti jew tiegħi nstab li kienu foloz. Xi ħadd iffalsifikahom. Dan għalhekk kien attentat ċar u elaborat ta’ frame up fil-konfront tiegħi bħala Prim Ministru u fil-konfront tiegħi personali u tal-familja tiegħi.”

Il-Prim Ministru qal li dan il-frame-up sar minn min ried li hu u martu jittellgħu l-Qorti u jiffaċċjaw akkużi li setgħu wasslu għal tnax-il sena ħabs.

Dr Muscat akkuża lill-ex kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li hu kaġun ta’ attentat ta’ kriżi politika li pperikolat kull familja f’Malta. Qal li għalhekk jistenna li jerfa’ r-responsabbilità politika u jirriżenja minn kull kariga li jokkupa f’Malta u barra.

Qal li Dr Busuttil messu vverifika l-fatti qabel ma niżżel in-nies fit-toroq biex jipprova jiddistabilizza l-pajjiż għall-gwadann personali.

“Dr Simon Busuttil mhux biss hu politiku fallut imma wkoll ismu se jibqa’ mniżżel fl-istorja mhux bħala paladin tas-sewwa kif jipprova jpinġi lilu nnifsu iżda bħala parti mill-akbar gidba fl-istorja politika ta’ pajjiżna” kompla jgħid Dr Muscat.

Il-Prim Ministru fakkar lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li llum ir-responsabilità hija tiegħu u għandu jibda billi jneħħi lil Dr Busuttil minn kelliem għal governanza tajba u li jekk Simon Busuttil ma jirriżenjax mill-Parlament minn jeddu, għandu jitolbu jirriżenja.

Dr Muscat wera dispjaċir li martu ma setgħetx tkun preżenti miegħu minħabba li tinsab imsiefra fuq xogħol b’rabta mal-volontarjat, għax qal li din l-istorja kienet maħsuba li tattakka lilha sempliċiment għax hi martu. Il-Prim Ministru deher kommoss meta rringrazzja lil uliedu li qal sofrew miegħu u martu.

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat qal “ngħidilhom li missierhom hu kburi li hu l-Prim Ministru ta’ Malta u nittama li intom ukoll.”

Mistoqsi minn Television Malta jekk hux se jieħu passi oħra, inkluż li jfittex għad-danni lil min ħareġ bl-allegazzjonijiet jew għamilhom tiegħu, Dr Muscat qal li l-ikbar dannu soffrih il-pajjiż, li qal għadda minn martirju minħabba din il-gidba.

“Jien qed nitkellem mal-avukati tiegħi. L-iskop tiegħi mhux kwistjoni ta’ flus. Ma jinteressani assolutament xejn. Jien illum hija l-bidu tal-ġustizzja tiegħi imma żgur mhux ħa nħalli lil min jipprova għall-għira li jħammeġ isem pajjiżna biex mingħalih jasal x’imkien” qal il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Prim Ministru qal li l-konklużjonijiet ta’ din l-inkjesta ma jneħħu xejn mid-determinazzjoni tiegħu li kif ġew arrestati persuni li allegatament wettqu l-qtil, joħorġu l-fatti kollha dwar il-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Prim Ministru tenna li fl-interess nazzjonali u f’ġieħ it-trasparenza, ir-rapport tal-inkjesta għandu jiġi pubblikat kollu.

 

Ara l-konferenza sħiħa hawn:

Ara wkoll:

L-Egrant mhix tal-Prim Ministru jew tas-Sinjura Michelle Muscat – l-inkjesta

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Birdlife Malta dwar l-amministrazzjoni tas-Salini tal-Melħ fis-Salina. Bi ftehim mal-Gvern, il-Birdlife ser tmexxi dan is-sit li huwa l-ikbar riżerva naturali f’Malta. Is-Salini tal-Melħ fis-Salina,…

Agrikultura

Il-ġbejniet tradizzjonali Maltin mistennija jkunu aktar abbundanti b’tibdil fil-liġi li ser tippermetti raħħala żgħar kważi jirduppjaw il-produzzjoni tagħhom. Madankollu dal-pass xejn mhu jogħġob lir-raħħala u produtturi l-kbar li kienu obbligati…

NGOs

Qabel kiseb suċċess fil-karriera mużikali bħala tenur, Cliff Zammit Stevens għadda minn esperjenzi qarsa, b’ommu ssofri quddiemu vjolenza fiżika kontinwa fir-relazzjonijiet tagħha. Disa’ xhur wara mewtha, Cliff irrakkonta l-ġrajjiet koroh…

Kronaka

Raġel ta’ 41 sena weġġa’ gravi wara li ħabat bil-mutur fil-Fgura. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.00 ta’ waranofsinhar fi Triq San Tumas. Il-Pulizija qalet li mill-ewwel tagħrif jirriżulta li seħħet ħabta…

Aktar