Politika
Il-PM Abela f’Ateni għall-EUMed Summit – Se naġixxu flimkien dwar l-isfida tal-bidla fil-klima

Il-Prim Ministru Malti Robert Abela bħalissa qed jipparteċipa fil-EU Med Summit f’Ateni, fejn it-temi ewlenin li qed jiġu diskussi huma l-immigrazzjoni, is-sitwazzjoni fl-Afghanistan, is-sigurtà fil-Mediterran, u t-tibdil fil-klima.”

Fis-summit li jlaqqa’ flimkien lil disa’ pajjiżi Ewropej li jmissu mal-Mediterran, il-Prim Ministru Robert Abela illum qed jirrappreżenta lil Malta flimkien ma’ għadd ta’ mexxejja oħra Ewropej. Ma’ midja barranija mal-wasla tiegħu fiċ-Ċentru li fih qed isir is-Summit f’Ateni, il-Prim Ministru qal li għalih, l-irkupru mill-pandemija flimkien mat-tibdil fil-klima, huma l-iktar punti kruċjali.

Dr Abela semma kif tul is-summit se jkun qed jitkellem dwar l-irkupru mill-pandemija, mhux biss mil-lat ekonomiku, iżda wkoll mil-aspett ta’ saħħa.  Qal li iktar importanti minn hekk iżda, huwa li tiġi indirizzata b’serjetà l-kriżi tat-tibdil fil-klima.

Apparti l-Prim Ministru Robert Abela f’dan is-summit qed jipparteċipaw ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von Der Leyen, il-Prim Ministru Grieg Kyriakos Mitsotakis, il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez, il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi, il-Prim Ministru Kroat Andrej Penkovic, il-President Ċiprijott Nicos Anastasiades, il-Prim Ministru Sloven Janez Jansa u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Portugiż Augusto Santos Silvo.

Is-Summit mistenni jintemm illejla b’konferenza tal-aħbarijiet mill-mexxeja ewropej, li se jkunu qed jitkellmu dwar l-eżitu ta’ dan is-Summit.

Il-grupp EU MED ġie ffurmat lura fl-2013 sabiex jiġu diskussi relazzjonijiet bejn il-pajjiżi li jmissu mal-baħar Mediterranju, fuq inizjattiva ta’ Ċipru u Spanja. L-istess Summit ġie organizzat f’pajjiżna lura f’Ġunju tal-2019.