Unjoni Ewropea
Il-PM fi Vjenna għal-laqgħa bejn il-mexxejja tal-UE u tal-Afrika

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu qed jattendi Laqgħa tal-Livell Għoli bejn mexxejja tal-Unjoni Ewropea u mexxejja ta’ pajjiżi Afrikani, fil-kapitali tal-Awstrija, Vjenna.

Din il-laqgħa ssejħet mill-Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz li qed immexxi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għat-tieni nofs ta’ din is-sena, u mill-President tar-Rwanda Paul Kagame bħala ċ-Chairperson tal-Unjoni Afrikana.

F’messaġġ qabel il-laqgħa, il-Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz, qal li l-Ewropa ma tistax tibqa’ tiffoka biss fuq l-immigrazzjoni bħala l-isfida komuni tal-Afrika, iżda li jiġi provdut aktar spazju biex tiġi żgurata l-prosperità u l-kompetittività fiż-żewġ kontinenti.

Il-laqgħa fi Vjenna se tara kif tippromwovi l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni bħala fattur importanti għall-iżvilupp tal-futur tal-Afrika. Dan sabiex kulħadd ikun jista’ jibbenefika mit-trasformazzjoni diġitali li għaddejja bħalissa.

Il-laqgħa se jkollha wkoll l-għan li tara kif is-sħubija attwali bejn l-Afrika u l-Ewropa jikkontribwixxu għal dan il-għan, u li tikkomplementa l-implimentazzjoni kontinwa tad-dikjarazzjoni konġunta tas-Summit li ltaqa’ f’Abidjan fil-Kosta tal-Ivorju, fl-2017 bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea, li fost affarijiet oħra enfasizza l-importanza ta’ ekonomija diġitali għall-Afrika u l-Ewropa.

Matul il-laqgħa, il-mexxejja Ewropej u dawk Afrikani mistenni jiddiskutu wkoll kif jista’ jiġi sfruttat il-potenzjal biex tissaħħaħ is-sħubija tat-teknoloġija u l-kummerċ, kif ukoll l-importanza għat-tkabbir ekonomiku, li jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg, jinħolqu soċjetajiet reżiljenti u jitwettqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Sabiex isir dan kollu, irid ikun hemm ir-rieda politika, li hija kruċjali biex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-investiment u l-innovazzjoni, tant li għall-Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz, dawn huma raġunijiet biżżejjed biex l-Ewropa taħdem aktar mill-qrib mal-istati Afrikani.

Għas-Summit tal-Livell Għoli bejn l-UE u l-Afrika fi Vjenna, mal-Prim Ministru Joseph Muscat, qed jattendu wkoll il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.

Fost il-mexxejja Afrikani, minbarra l-President tar-Rwanda Paul Kagame, qed jattendu wkoll il-Presidenti tal-Eġittu, tal-Etijopja u tal-Kenja. L-Ewropa hija rappreżentata minn diversi mexxejja u ministri, fosthom il-Prim Ministri tal-Bulgrija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Olanda, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-President ta’ Rumanija.

Se jkun qed jattendi wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewroea Jean-Claude Junker, kif ukoll numru ta’ Kapijiet Eżekuttivi ta’ kumpaniji globali bħal BMW, Nokia u Siemens.

Din se tkun opportunità li jiltaqgħu mal-kapijiet tal-gvernijiet u flimkien jiddiskutu investiment potenzjali u koperazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat.

Ara wkoll:

Bidla fit-ton bejn l-UE u l-Afrika – il-PM

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Inqas minn tliet xhur wara li ġie fi tmiemu s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ, eluf ta’ żgħażagħ qed jinġabru fil-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Il-Papa Franġisku jasal il-Panama għada bil-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħqu…

Ikel

Fl-isfond tal-kontroversja li bdiet wara s-servizz tal-aħbarijiet ta’ TVM mal-Imam Mohammad Elsadi, dwar il-qtil tal-annimali bir-ritwal Musulman, komplejna nsegwu l-kwistjoni. Mhux eskluż li l-qtil tal-annimal bis-sistema tal-halal, għalkemm mhux isir…

Trasport

Is-sidien tal-pompi tal-petrol bdew b’azzjonijiet industrijali minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-Gvern dwar it-talba għal żidiet fil-qligħ tagħhom. L-azzjoni ewlenija hi li l-pompi mhux se joffru s-servizz mill-magni awtomatiċi wara s-sitta…

Familja

Matul is-sena li għaddiet kien hemm xejn inqas minn 1,303 koppji li żżewġu fuq cruise liner li jtajjar il-bandiera Maltija. Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-mistoqsija tad-Deputat…

Aktar