Unjoni Ewropea
Il-PM fis-Slovenja għal summit tal-Unjoni Ewropea u s-sħab fil-Punent tal-Balkani

F’Lubljana bdew it-taħditiet bejn il-blokk ewropew u pajjiżi tal-Punent tal-Balkani f’summit organizzat mis-Slovenja li attwalment qed tokkupa l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE.

Fuq l-aġenda hemm il-koperazzjoni bejn l-UE u dawn il-pajjiżi ġirien, l-użu tal-fondi għas-sostenibilità, l-ambjent u l-qasam diġitali kif ukoll oqsma politiċi u ta’ sigurtà bejn iż-żewġ naħat.

Il-Prim Ministru Robert Abela qed jattendi għall-summit tal-UE u l-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani fosthom l-Albanija, is-Serbja u l-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

L-UE għandha r-rwol ċentrali fir-Reġjun tal-Balkani u saħansitra titqies l-akbar kontributur għar-reġjun b’biljuni ta’ ewro dedikati għall-iżvilupp reġjonali kif ukoll irkupru mill-pandemija.

Ta’ min isemmi wkoll is-solidarjetà li wriet matul ix-xhur tal-pandemija b’miljuni ta’ dożi tat-tilqim tal-vaċċin għall-Covid jasal f’dawn il-pajjiżi mingħand l-UE.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel stieden il-mexxejja għall-pranzu informali llejla fejn fuq nett tal-aġenda hemm l-irwol tal-UE fil-fora internazzjonali fl-isfond tal-aħħar żvillupi fl-Afganistan u t-tensjoni diplomatika għall-patt Aukus; tweġiba strateġika mill-Awstralja bl-għajnuna tal-Istati Uniti u r-Renju Unit biex tissielet l-influwenza taċ-Ċina.

L-għada Dr Abela se jipparteċipa f’diskussjonijiet varji fost oħrajn dwar l-irwol tal-UE fir-reġjun tal-Balkani, l-iżvilupp u l-irkupru tar-reġjun mill-pandemija kif ukoll diskussjonijiet dwar it-tisħiħ tas-sigurtà fir-reġjun.

Għas-sessjoni plenarja t’għada mistennija jipparteċipaw ukoll fost oħrajn rappreżentati mill-Bank Ewropew għall-Investiment kif ukoll il-Bank Dinji.

Is-summit jingħalaq b’konferenza tal-aħbarijiet mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von der Leyen kif ukoll il-Prim Ministru Sloven Janez Janša.

Fl-aħħar tas-summit il-mexxejja tal-UE mistennija jadottaw dikjarazzjoni bil-pajjiżi tal-punent tal-Balkani mistennija jaqblu magħha.