Lokali
Il-PM f’konferenza f’Palermo dwar il-ġejjieni tal-Libja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab Palermo flimkien ma’ mexxejja u rappreżentanti minn 38 pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali għal konferenza fuq il-ġejjieni tal-Libja li sa minn tmiem l-era ta’ Muammar Ghaddafi ma rkupratx mill-instabbiltà politika u ta’ sigurtà.

Ilbieraħ filgħaxija mal-wasla f’Villa Igea fejn qed titlaqqa’ l-konferenza, Dr Muscat ingħata merħba mill-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte qabel ikla li matulha saret l-ewwel diskussjoni fuq is-sitwazzjoni kumplessa u kaotika fil-pajjiż b’popolazzjoni ta’ madwar seba’ miljun persuna.

Għat-taħditiet kien hemm uffiċjali għolja minn tlieta mill-erba’ fazzjonijiet rivali fil-gwerra ċivili fil-Libja minħabba li l-General Khalifa Haftar ġie jsellem lill-mexxej Taljan iżda telaq wara biss 10 minuti. Qed ikun rappurtat li mhux se jattendi għall-konferenza li tkompli u tintemm illum iżda f’Palermo stess se jsib ħin ilaqqa’ lir-rappreżentanti tar-Russja, l-Egittu u l-Italja fost l-oħrajn.

L-għan tal-konferenza mhux li jtemm il-kunflitt iżda li jwitti t-triq għal iktar għaqda u stabbiltà f’pajjiż li għadu mifrud fi tnejn, il-Punent li għadu taħt il-kontroll tal-Gvern rikonoxxut internazzjonalment min-Nazzjonijiet Magħquda, u l-Lvant li jinsab taħt il-kontroll tal-qawwiet leali lejn il-Ġeneral Haftar li għandu l-appoġġ tal-Eġittu, ir-Russja, Franza u l-Emirati Għarab Magħquda.

L-aħħar konferenza simili saret fi Franza lejn tmiem Mejju li għadda. Madankollu, il-konferenza naqset li tħalli impatt konkret fuq il-Libja u issa l-Italja jidher li qed tipprova turi lil Franza u d-dinja li għandha responsabbiltà diplomatika fuq il-Libja qabel l-elezzjonijiet li possibilment għandhom isiru fl-10 ta’ Diċembru li ġej.