Budget
Il-PM f’laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-baġit mal-Kamra tal-Kummerċ

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni għall-Baġit 2022.

Matul il-laqgħa, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb irringrazzjat lill-Gvern talli f’mument fejn id-dinja ffaċċjat pandemija, f’pajjiżna n-negozji Maltin u Għawdxin sabu gvern li sostnihom.

Hekk kif ippreżentat dokument b’196 proposta, Xuereb qalet li issa jeħtieġ li nindirizzaw sfidi oħra kkawżati mill-pandemija fosthom in-nuqqas ta’ riżorsi umani disponibbli għan-negozji.

Hija saħqet li biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv jeħtieġ li dan in-nuqqas jiġi indirizzat hekk kif dan kien sentiment komuni fost il-komunità tan-negozju.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li d-dokument huwa wieħed studjat u li jirrifletti l-polz tan-negozji.

Huwa saħaq li flimkien jista’ jitfassal programm ta’ ħidma li jdawwar dawn l-isfidi f’opportunijiet għal pajjiżna, kif diġà għamilna fil-passat.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Dr Marthese Portelli, saħqet li l-proposti tagħhom saru wara proċess twil ta’ konsultazzjoni mal-membri kollha tal-Kamra u li allura jirriflettu firxa wiesgħa tal-komunità tan-negozju.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u l- Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.