COVID-19
Il-PM f’laqgħa virtwali mal-mexxejja Ewropej dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19

Il-Prim Ministru Robert Abela llejla kellu laqgħa informali b’mod virtwali mal-mexxejja Ewropej li matulha ġiet diskussa t-tema tal-Covid-19 u l-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni u koordinament bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Il-laqgħa tal-lum saret biex jitkomplew id-diskussjonijiet fuq temi li ġimagħtejn ilu l-Kunsill Ewropew qabel li jkun hemm koordinazzjoni fuqhom, fosthom il-kwarantina, il-contact tracing, l-istrateġiji tal-ittestjar, evalwazzjoni konġunta ta’ metodi ta’ ttestjar, u restrizzjoni temporanja għal safar bla bżonn għal ġo l-Unjoni Ewropea.

Waqt din il-laqgħa qamu diskussjonijiet b’rabta mar-rapid testing u kif dawn għandhom jibdew jiġu rikonoxxuti mill-Istati Membri kollha, il-vaċċin u l-ħtieġa li jkunu indirizzati l-isfidi loġistiċi biex dan jitqassam.

Ġiet diskussa wkoll l-assistenza li hemm bżonn tingħata lil dawk il-pajjiżi membri li s-sistema tas-saħħa mhux qegħdha tlaħħaq mal-każijiet li qed jitfaċċaw.