Lokali
Il-PM jikkritika lil dawk li jitkellmu kontra l-abort iżda mhux ir-razziżmu

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat għamel appell imqanqal kontra r-razziżmu u x-xenofobija kontra l-barranin li qal ħareġ fil-beraħ wara l-mewt ta’ żagħżugħ f’Paceville ġimgħa ilu.

F’San Ġiljan, Dr Muscat ikkritika sezzjonijiet tal-midja li qal rewħu das-sentiment fuq rapporti żbaljati. Huwa kkundanna dak li sejjaħ moraliżmu falz, u qal li kien jistenna li dawn jitkellmu kontra dil-mibegħda, u mhux joħolqu paraventu bil-kwistjoni tal-abort li huwa ilu għaxar snin jgħid li ma jaqbilx miegħu.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wissa’ li tgħajjir kontra l-barrani, huwa sentiment mill-iktar perikoluż. Dr Muscat qal li m’għandu xejn minn ħadd, u f’każ ta’ reat ikunx Malti jew barrani, trid issir ġustizzja. Il-Prim Ministru sostna li dan il-pajjiż qed jistagħna u qed jagħmel qabża għal ġenerazzjonijiet sħaħ anke bis-sehem tal-ħaddiema barranin li jħallsu t-taxxa u l-bolla biex il-Gvern jista’ jżid il-pensjonijiet. Fisser li Malta bilfors trid ħaddiema barranin li jagħmlu ċertu xogħlijiet.

Il-Prim Ministru qal li dil-fantażija li rridu nibnu ħajt bejn il-Maltin u l-barranin trid tieqaf. Wissa li dil-firda ġġib ħafna ħsara għas-soċjetà. kollha.

Qal li pajjiżi li ħallew dil-firda taħt it-tapit fallew politikament u li għalhekk mhux jiddejjaq li din jaffrontaha. Għall-kritika li hemm barranin li jħammġu jew jagħmlu l-istorbju, Dr Muscat qal li hemm Maltin li jagħmlu l-istess u li għalhekk hemm bżonn iktar infurzar.

Il-Prim Ministru qal li tqażżeż bil-moralizmu falz dwar il-kwistjoni tal-abort. Qal li huwa ilu 10 snin jgħid li ma jaqbilx mal-abort u l-uniku persuna li meta mistoqsi fuq l-abort qal li ser jimxi mal-liġijiet Ewropej kien l-ekx Ministru Nazzjonalista Tonio Borg meta kien nominat biex ikun kummissarju tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-Forzi tal-Ordni li qed jiksbu riżultati importanti fl-investigazzjonijiet dwar it-tqegħid ta’ bombi. Qal li dan huwa sinjal b’saħħtu, ta’ kollaborazzjoni li issa hemm bejn il-forzi kollha tal-ordni. Semma wkoll kif l-effiċjenza fis-servizz pubbliku kklassifikat fit-tielet post fl-Unjoni Ewropea. Qal li eżempju ta’ din l-effiċjenza huwa t-tindif li sar fi ftit ħin biex San Ġilajn sebaħ nadif wara l-folol kbar li attendew għaċ-ċelebrazzjoni ta’ San Patrizju.

Dwar il-ftehim storiku fuq Manoel Island, Dr Muscat qal li jħares ‘il quddiem għal aktar proġetti fil-komunità li bihom igawdu n-nies. Qal li dan huwa eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern jinteressah fl-ambjent għaliex ser isir park biex ikun pulmun għan-nies f’din iż-żona iffullata. Qal li bl-istess impenn, il-Gvern ser isib soluzzjoni għall-iskart u tenna li jekk l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-inċineratur għandha tgħid x’se tagħmel bl-iskart li ma jistax jiġi riċiklat.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Wara laqgħa li kellhom illejla s-sidien tal-pompi tal-petrol msieħba fil-GRTU, ftehmu li minn għada mhux se jħallu s-servizz tal-fuel bl-automatic. Dan ifisser li s-sevizz mill-pompi se jkun sas-sitta ta’ filgħaxija,…

Lokali

Fredrick Attard stqarr li m’għandux kliem biex jirringrazzja lid-donaturi tad-demm li bil-ġest tagħhom jistgħu jsalvaw lil ommu u lil oħtu li jeħtiġilhom trasfużjoni tad-demm bħala parti mill-kura kontra l-kanċer tas-sider…

Lokali

Iktar tard din il-ġimgħa, il-President Marie Louise Coleiro Preca se jkollha żjara statali fit-Turkija. Hi se tkun akkumpanjata minn delegazzjoni tan-negozju magħmulha minn 50 persuna. Delegazzjoni ta’ 50 persuna se…

Lokali

X Factor Malta jinsab ftit jiem biss ‘il bogħod mill-finali. Wara s-serata tal-bieraħ, fadal erba’ finalisti biex jintgħażel ir-rebbieħ ta’ X Factor Malta li fost oħrajn jirrapreżenta jew tirrapreżenta lil…

Aktar