Politika
Il-PM: Għandna ċans storiku biex ħajjet Lassine ma tkunx intilfet għalxejn

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, qal li issa huwa ż-żmien biex ikun hemm diskussjoni serja dwar l-integrazzjoni biex kulħadd iħossu ugwali. Dr Muscat qal li dan huwa l-mument li l-poplu jieħu dan il-pass, għax b’dak li ġara fi tmiem il-ġimgħa li għadda, daħħal lil kulħadd f’qoxortu.

F’attività politika f’Ta’ Giorni, Dr Muscat tkellem dwar l-iskema tal-equity sharing li qal se tagħti tama ġdida lill-persuni ta’ iktar minn 40 sena fosthom għax isibu diffikultà jissellfu. Dr Muscat fakkar kif minkejja li l-Partit Laburista rebaħ b’maġġoranza ta’ 33,000 vot fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew 5 snin ilu, xorta rebaħ 3 siġġijiet għax qal li parti sostanzjali tan-nies ma vvutawx lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.

Dr Muscat tenna li lest joqgħod għall-ġudizzju tan-nies u appella lill-poplu biex jerġa’ jkun miegħu,

Iktar qabel, f’attività oħra fil-Ħamrun, Dr Muscat tkellem mill-ġdid dwar il-qtil ta’ Lassine Cisse Souleymane. Dr Muscat qal li b’dan l-inċident, il-poplu għandu ċans storiku biex il-ħajja li ntilfet, ma tkunx intilfet għalxejn. Hu qal li l-Maltin iridu li tiġi osservata liġi, iżda ma jaċċettawx dak li ġara meta persuna nqatlet għax hija differenti.

Hu appella biex minn din il-mibegħda nħawlu siġra ta’ tama u mħabba għall-ġejjieni li se jgawdu minnha wliedna. Il-Prim Ministru qal li s-soluzzjoni biex tingħeleb il-mibegħda hi l-integrazzjoni. Dr Muscat qal, li filwaqt hemm min qed jgħid li pajjiżna mifqugħ bil-barranin, dawn l-istess barranin qed jaħdmu bħala carers u spiżjara għax m’hawnx biżżejjed ħaddiema biex jagħmlu dawn ix-xogħlijiet.

Dr Muscat tkellem ukoll dwar is-sehem tal-barranin fl-ekonomija. Qal li x-xogħol tal-Maltin hu assigurat għax il-fabbriki qed isibu ħaddiema biżżejjed permezz tal-barranin. Sostna li din hu Malta li jemmen fiha u li mill-qtil ta’ Souleymane, nistgħu nieħdu l-frott li ngawdu minnu fis-snin li ġejjin.

Il-Prim Ministru tkellem dwar investimenti fl-edukazzjoni li qed jagħtu opportunitajiet ġodda lill-istudenti. Irrefera għall-investiment ta’ €10 miljun mill-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment li permezz tiegħu se jiġu rranġati ċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ kollha.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-pajjiż hu ‘l fuq mill-partiti u waqt li akkuża lill-amministrazzjoni kollha tal-pajjiż b’kompliċità għal kriżi ta’ bħalissa, qal li l-Partit Nazzjonalista fassal proposti…

Temp

Kmieni dalgħodu, parti mit-tinda protettiva tat-tempji ta’ Ħaġar Qim fil-Qrendi, iċċartet minħabba r-riħ qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin. Għaldaqstant, Heritage Malta għalqet l-aċċess għat-tempji għal xi ħin sakemm ġie aċċertat…

Politika

Fit-tnedija uffiċjali tal-kampanja tiegħu għall-Mexxej tal-Partit Laburista, id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, wiegħed li fl-ewwel 100 jum jorganizza konferenza dwar is-saltna tad-dritt biex fi kliemu jissolvew il-problemi li għaddej minnhom…

Aktar