Il-PM Grieg jiddefendi r-riformi fil-pensjoni u t-taxxa

Il-Prim Ministru Griek Alexis Tsipras ddefenda riformi kontroversjali dwar il-pensjonijiet u t-taxxa li ġew approvati mill-parlament.

Dawn il-miżuri huma meħtieġa biex il-Greċja tkun tista tikseb aktar fondi minn bailout internazzjonali, li se jiġu diskussi waqt laqgħa bejn il-Ministri tal-Finanzi taż-żona ewro illum.

Madanakollu, dawn il-miżuri ma niżlux tajjeb mal-attivisti li huma kontra l-awsterità u t-trade unions Griegi.

Il-Prim Ministru Grieg qal li dawn il-bidliet mhux se jaffetwaw lill-maġġoranza tal-pensjonanti u se jkunu qed iwasslu għal sistema aktar sostenibbli. Żied jgħid li l-kontribuzzjonijiet għola jassiguraw li tibqa tingħata il-pensjoni mill-istat.

Qabel ittieħed il-vot dimostranti f’Ateni tefgħu bombi tal-petrol lejn il-pulizija li rrispondew bil-gass tad-dmugħ. Il-unions qalu li l-pajjiż ma jiflaħx għal aktar miżuri ta’ awterità.