Lokali
Il-PM iħabbar airlink għal Għawdex u vapur li jaħdem b’enerġija nadifa

Meta kien qed jindirizza attività f’Għawdex bħala parti mill-konferenza ‘Inġeddu Malta Flimkien’, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li għal Għawdex hemm tliet pilastri ewlenin li se jkun qed jiffoka fuqhom li huma l-qalba diġitali, l-investiment biex Għawdex ikun carbon neutral u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja.

Il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern se jkun qed jikkonsulta dwar kif se jsaħħaħ il-konnettività bejn Malta u Għawdex bil-proġett tal-airlink u fisser kif ix-xogħlijiet għal din l-infrastruttura mhux se jkunu qed isiru fuq ebda art agrikola. Dr Abela qal li l-konnettività bil-baħar se tissaħħaħ billi l-Gozo Channel se jkollu r-raba’ vapur li se jkun qed jaħdem b’tali mod li ma jniġġisx.

Il-Prim Ministru qal li l-iżvilupp fil-bini għandu jibqa’ jsir imma b’mod sostenibbli. Sostna kif mill-interventi li saru fl-attività tinħass il-ħtieġa li l-iżvilupp għandu jkun imżewweġ mas-sostenibilità. Qal li mira ambizzjuża oħra hija li Għawdex ikun l-ewwel li jkun ħieles mill-użu tal-karbonju. Sostna li l-isfida tal-bidla fil-klima hija tema kruċjali tant li skont il-Prim Ministru hija sfida ikbar mill-pandemija. Dr Abela sostna li għall-ewwel darba se jkollu awtonomija sħiħa fil-provista tal-ilma.

Dwar il-fondi Ewropej, Dr Abela qal li fis-seba’ snin li ġejjin Għawdex se jkollu allokazzjoni ta’ €162 miljun x’jinvesti fi proġetti u inizjattivi, li skont il-Prim Ministru dan ifisser madwar €50 miljun iktar mill-pakkett finanzjarju negozjat minn Gvern Nazzjonalista. Il-Prim Ministru temm jgħid li fil-Miżbla tal-Qortin sar investiment ta’ €3.5 miljun u fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi inawgurat park simili għal dak li sar f’Wied Fulija fiż-Żurrieq.