Lokali
Il-PM iħabbar li De La Rue se tibni l-ikbar impjant tagħha f’Malta u toħloq 100 karriera ġdida

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-kumpanija internazzjonali De Le Rue involuta fil-produzzjoni tal-flus se tkun qed tibni l-ikbar impjant tagħha f’Malta. Dr Abela qal li dan l-investiment multi-miljunjarju se jsir bl-għajnuna tal-Malta Enterprise u se jsarraf f’100 impjieg ġdid f’Malta.

L-impjant tal-kumpanija De La Rue, li għandha storja ta’ aktar minn 45 sena f’Malta, se jkun l-ikbar wieħed li l-grupp għandu għall-produzzjoni tal-flus, passaporti u prodotti oħra ta’ sigurtà.

Dan l-investiment li se jibda fil-ġimgħat li ġejjin se jkun mifrux fuq medda ta’ 29,000 metru kwadru ta’ art.

Fit-tnedija tal-investiment ingħad li l-faċilità l-ġdida tal-kumpanija se tkun aktar effiċjenti waqt li se ttejjeb il-kapaċità, il-flessibbiltà u l-effiċjenza tal-impjant kollu tad-De La Rue.

Il-kumpanija se tkun qed tirdoppja l-kapaċità tagħha għall-prodotti ta’ sigurtà u se tiżviluppa l-ikbar faċilità għall-produzzjoni tal-flus.

Fl-intervent tiegħu, il-Prim Minstru qal li l-aħbar tal-investiment tal-lum jirrappreżenta l-ħidma tal-gvern għall-kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti. Qal li permezz ta’ dan l-investiment, il-kumpanija se tkun qed tipproduċi aktar minn żewġ biljun karta tal-flus fis-sena.

Qal li dan il-Gvern emmen fis-settur tal-manifattura tant li llum qiegħed jimmanifattura l-futur tagħna. Sostna li l-investiment tal-lum huwa konferma li r-riżiljenza tista’ tagħmel id-differenza kollha.

Dr Abela qal l-aħħar tmintax-il xahar ma kinux faċli minħabba l-kriżi tal-pandemija. Qal li bosta kienu qed ibassru żmien diffiċli għall-esportaturi f’Malta mhux l-inqas minħabba l-fatt li l-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008, wasslet għal tnaqqis ta’ €100  miljun f’valur miżjud. Qal li kellhom jgħaddu tmien snin biex l-investiment reġa’ rkupra għal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Sostna li l-Gvern ma aċċettax it-tbassir li sar fejn sar fejn ingħad li 50,000 ruħ kienu se jispiċċaw bla xogħol. Qal li d-deċiżjonijiet li ttieħdu minn Marzu 2020 ‘il quddiem, wasslu biex pajjiżna kien l-aktar wieħed li ta appoġġ finanzjarju fl-Ewropa foshtom permezz tal-wage supplement b’€40 miljun fix-xahar, flus li qal intefqu tajjeb biex iħarsu l-familji u n-negozji. Qali li flok żdiedu l-kontijiet u l-prezzijiet tal-fuel, iddaħħlu skemi biex jgħin lin-negozji u jorħos il-prezz tal-fuel.

Il-Prim Minsitru qal li kienet il-mentalità proattiva li wasslet għal riżultati pożittivi. Qal li l-Gvern wera li n-negozji li Malta kellha viżjoni lil hinn mill-pandemija. Qal flok żdiedu t-taxxi, il-Gvern impenja ruħu li jkun ta’ spalla għan-negozji u jkompli jinvesti fl-infrastruttura industrijali ta’ pajjiżna.

Qal li l-gvern ta serħan il-moħħ ukoll meta f’Lulju tas-sena li għaddiet kiseb l-ikbar pakkett ta’ fondi mill-UE.

Il-Prim Ministru tenna li llum qed naqtgħu l-frott tad-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar xhur u għalhekk li llum għandna l-inqas numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol, l-iktar ammont ta’ investiment fi tliet xhur li qatt ġie irreġistrat u investiment rekord fis-settur tal-manifattura fl-ewwel sitt xhur tas-sena.

Il-Prim Ministru qal li dan l-investiment se jwassal għal 100 karriera ġdida u wera l-apprezzament tiegħu għal din il-fiduċja li wriet il-kumpanija fis-suq tax-xogħol Malti.

Dr Abela temm jgħid li l-Budget 2022 se jipprovdi l-qafas ekonomiku u finanzjarju biex ikompli jsaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna u biex Malta jkompli jattira l-investiment barrani f’diversi setturi tal-ekonomija ta’ pajjiżna.