Politika
Il-PM iħabbar li se jestendi ż-żmien biex wieħed jiffirma konvenju u jibbenefika minn tnaqqis fit-taxxa tal-boll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li se jestendi ż-żmien sal-aħħar ta’ Lulju biex wieħed jiffirma konvejnu fuq proprjetà u jibbenefika minn tnaqqis fit-taxxa tal-boll. F’attività politika fir-Rabat, huwa ħabbar ukoll li għada se tibda d-diskussjoni fuq l-emendi fil-liġi tad-divorzju. Dr Abela qal ukoll li l-elezzjoni ssir meta jiddeċiedi hu u saħaq li hu wkoll irid li l-pajjiż joħroġ mill-pandemija imma biex in-nies jerġgħu jibdew jgħixu ħajja normali.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li se tkun estiża b’4 xhur il-miżura tat-tnaqqis fit-taxxa tal-boll fuq il-proprjetà. Dr Abela qal li l-Gvern sema’ żgħażagħ li jixtiequ jixtru propjetà li qalu li mhux se jlaħħqu jiffirmaw il-konvenju sal-aħħar ta’ Marzu u għalhekk spjega kif din il-miżura issa se tibqa’ tapplika sal-aħħar ta’ Lulju.

F’attività politika fir-Rabat, il-Prim Ministru ħabbar ukoll li t-Tnejn fil-Parlament se tibda diskussjoni dwar l-emendi fil-liġi tad-divorzju li għandhom jnaqqsu l-istennija ta’ erba’ snin minn dawk il-koppji li jisseparaw legalment qabel ikunu jistgħu japplikaw għad-divorzju sew jekk b’kunsens jew jekk parti waħda biss tkun trid tapplika għad-divorzju.

Il-Mexxej Laburista qal li l-fiduċja mingħand in-nies ma tiġix malajr u kisibha wara li n-nies raw l-azzjonijiet konsistenti ta’ kuljum u l-viżjoni ċara għall-pajjiż. Dr Abela qal li l-Gvern Laburista wiret 25 sena ta’ żbalji ta’ Gvern Nazzjonalista u sostna li hu ma jibżax iwettaq ir-riformi l-kbar, anzi qal jidħol għalihom b’determinazzjoni u b’konvinzjoni ċara. F’dan l-isfond huwa rrefera għar-riforma fil-liġi tal-kera ta’ qabel l-1995, li ħabbar ilbieraħ, u spjega kif minnha se jgawdu mal-10,000 familja.

Il-Prim Ministru rribatta l-kritika tal-iżvilupp bla rażan u l-isfreġju ambjentali, u qal li l-bini tal-lum qed isir skont il-pjanijiet lokali li għamel Gvern Nazzjonalista fl-2006. Dr Abela sostna li l-arkitett tal-pjanijiet lokali tal-2006, illum huwa l-id il-leminija tal-Kap tal-Oppożizzjoni, u qal li dan ifisser li l-Oppożizzjoni għandha x’toffri dak li kellna fil-pajjiż qabel l-2013.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Abela tkellem dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u qal li l-Oppożizzjoni reġgħet ħarġet b’attakk kontra l-istituzzjonijiet. Dr Abela wiegħed li se jibqa’ jiddefendi l-istituzzjonijiet biex jibqgħu jagħmlu xogħolhom.

Irrefera wkoll għar-riżenja ta’ Rosianne Cutajar minn Segretarju Parlamentari u qal li b’hekk hija ġabet l-interessi tal-pajjiż qabel dawk personali tagħha. Dr Abela qal li min-naħa l-oħra l-Oppożizzjoni timxi bil-konvenjenza u tiddeċiedi li ma tiddeċidix. Staqsa x’se jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar Adrian Delia fid-dawl tal-allegazzjonijiet li hemm fil-konfront tiegħu u staqsa jekk bl-istess kejl li talab għal azzjoni fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar, għax ma jimxix bl-istess mod dwar Adrian Delia u dwar esponenti oħra tal-Partit fosthom Jason Azzopardi.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-appell tiegħu biex kulħadd jissieħeb f’Tim Malta li qal ma jimxi qatt bl-interess politiku partiġġjan imma jpoġġi l-interess nazzjonali l-ewwel. Dr Abela qal li l-elezzjoni ssir meta jiddeċiedi hu u qal li jrid li l-pajjiż joħroġ mill-pandemija biex in-nies tirritorna lejn in-normalità.