Lokali
Il-PM: il-Gvern bi programm biex jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-poplu jixraqlu trasparenza u onestà u saħaq li f’dan il-pajjiż m’hemm impunità għall-ħadd. Huwa tenna l-apoloġija lill-familja Caruana Galizia u qal lill-poplu li l-piż ta’ din l-apoloġija jerfgħu hu bħala kap tal-gvern u f’isem l-istat. Qal li m’hemmx dubju li l-qtil ma jirriflettix lill-poplu jew dak li jemmen fih. Tkellem dwar bidliet fis-sistema li kienu ilhom hemm minn żmien l-Indipendenza. Fi kliemu, il-mod kif jiffunzjona l-istat illum lanqas jintgħaraf minn kif kien jaħdem f’Jannar 2020 u fis-snin ta’ qabel. Spjega li l-gvern se jerfa’ r-responsabilità u se jibda programm biex jintlaħqu r-rakkomandazzjoni tal-bord tal-inkjesta u tibda t-triq għall-implimentazzjoni tagħhom.

Dr Abela semma l-bidla kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, fil-ħatra tal-ġudikatura, il-qasma fl-irwol tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat, u r-riżorsi lill-ġudikatua. Stqarr li hu diżappuntat li erba’ xhur wara li skada t-terminu tal-ombudsman għadd m’hemmx qbil dwar isem ieħor għalih u stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex ipoġġu flimkien u jaqblu dwar persuna idonea għal din il-kariga importanti. Qal li l-Gvern mhux kuntent bl-istatus quo.

Għaraf li dawn il-bidliet mhux se jġibu lura li Daphne Caruana Galizia u trid issir ġustizzja għaliha, il-familja tagħha u għall-pajjiż. Qal li r-riformi għandhom iwasslu biex verament ikun hawn ġustizzja f’Malta.

Dwar il-professjoni tal-ġurnaliżmu qal li l-kitba hija għodda li tinstiga bidla, u ġustizzja soċjali. Enfassizza l-bżonn li l-Gvern jidħol għall-pakkett ta’ riformi mal-imsieħba kollha u l-ġurnaliżmu għandu jsib il-protezzjoni biex jgħix. Qal li l-istkrutinju hu importanti u min ma jridux jagħżel li joqgħod fil-kumdità tal-ħajja privata u ma joħroġx fil-ħajja pubblika.
Fi kliem il-Prim Ministru dan l-episodju għandu tgħallimit għall-Ewropa kollha fejn fl-aħħar snin inqatlu erba’ ġurnalisti f’erba’ pajjiżi Ewropej. Il-gvern se jappoġġja fuq livell Ewropew biex jiġu protetti l-ġurnalisti.

Il-Prim Ministru qal li dak li fiha l-inkjesta pubblika u li se joħroġ fid-dibattiru tal-lum mhu se jsir xejn jekk ma naffrontawx iż-żmien li ġej bħala pajjiż magħqud u bl-akbar ripsett lejn xulxin.

Fil-ftuħ tad-dibattitu, il-Prim Ministru ppreżenta fil-Parlament koppja tar-rapport tal-inkjesta pubblika.