Lokali
Il-PM illum jattendi għal summit tal-mexxejja Ewropej

Il-Prim Ministru Robert Abela llum mistenni jattendi għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Mexxejja Ewropej fi Brussell li se ġġib ukoll fi tmiemha l-Presidenza Portuġiża.

Fuq nett tal-aġenda, il-pandemija tal-Covid-19, l-irkupru ekonomiku u l-immigrazzjoni.

Il-pandemija tal-Covid-19 tinsab fuq nett tal-aġenda kemm mil-lat ta’ saħħa u kemm min-naħa ekonomika.

Matul il-laqgħat, il-mexxejja Ewropej se jindirizzaw kull ostaklu li għad fadal b’rabta mad-dritt tal-moviment ħieles madwar l-Unjoni Ewropea. Fost l-oħrajn, il-Kummissjoni mistennija tirrapporta dwar it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija.

Tul id-diskussjonijiet se titpoġġa taħt il-lenti s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fid-diversi rotot, kif indikat mill-ittra ta’ stedina mibgħuta mill-President Charles Michel lill-membri tal-Kunsill Ewropew.

Se jissoktaw it-taħditiet ukoll, b’mod speċjali, dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mat-Turkija u mar-Russja. Dan fl-isfond ukoll ta’ tiri ta’ twissija li ġew sparati lejn bastiment tal-qawwa navali Ingliża wara li daħal f’ibħra territorjali Russi fil-Baħar l-Iswed.

Is-summit tal-Unjoni Ewropea hu skedat li jintemm il-Ġimgħa kmieni waranofsinhar, bis-suġġett ewlieni jkun il-fond ta’ rkupru mill-pandemija mlaqqam Next Generation EU b’finanzjament ta’ €750 biljun.