Unjoni Ewropea
Il-PM jappoġġja t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea – diskussa s-sħubija ta’ pajjiżi tal-Balkani

It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea kien diskuss mill-mexxejja Ewropej waqt is-summit li sar f’dawn il-jumejn fis-Slovenja, tema li titqanqal kull tant żmien minħabba li mhux kull stat membru tal-blokk Ewropew huwa favur li l-Unjoni Ewropea tkompli tkabbar il-konfini tagħha.

Il-pożizzjoni ta’ Malta hija li l-Unjoni Ewropea tkompli tilqa’ fi ħdanha pajjiżi ġodda, bħalma huma l-pajjiżi tal-Balkani, li erbgħa minn sitta applikaw għas-sħubija, filwaqt li t-tnejn l-oħra qed jistennew li l-applikazzjoni tagħhom tiġi aċċettata mill-blokk Ewropew.

Fl-Islovenja, il-pajjiż li bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti favur il-proċess ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea, u sabiex aktar pajjiżi jissieħbu bħala membri tal-blokk Ewropew.

L-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro u s-Serbja huma uffiċjalment rikonoxxuti bħala pajjiżi kandidati għas-sħubija, waqt li l-Bożnija u l-Kosovo huma kandidati potenzjali.

Għalkemm l-Unjoni Ewropea wegħdet pakkett ta’ disa’ biljun ewro lir-reġjun għall-żvilupp ekonomiku u investiment varju, id-diverġenzi politiċi bejn pajjiżi membri u oħrajn li qed jistennew li jsiru membri jippreżentaw sfidi ġodda u jrażżnu l-pass tal-proċess.

F’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem is-summit, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola Von Der Leyen, saħqet li l-Unjoni Ewropea mhix kompluta mingħajr il-Balkani, iżda qalet li fadal ħafna xi jsir f’dawn l-istess pajjiżi.

“We share the same history, values and destiny… EU is not complete without the Western Balkans, my commission will continue to do the utmost to advance the enlargement process, we want the WB in the EU.”

Von Der Leyen qalet li dawn il-pajjiżi mexjin fit-triq it-tajba b’riformi bla preċedent fil-ġudikatura, il-korruzzjoni, il-libertà tal-midja u l-ekonomija, madanakollu hi tal-opinjoni li fadal ħafna aktar xi jsir.