Lokali
Il-PM jemmen li Adrian Delia ma jaqbilx mal-klikka fil-PN li qed tagħmel ħsara lil Malta

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat qal li jemmen li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma jaqbilx li għandha ssir ħsara lill-pajjiż barra minn Malta, imma qal li hemm klikka ta’ nies fil-Partit Nazzjonalista li qed jiddettawlu l-aġenda.

Dr Muscat reġa’ appella lil Dr Delia biex jieħu r-riedni tal-Partit Nazzjonalista f’idejh, filwaqt li qal li l-Gvern se jkompli jitkellem ma’ dawk li għandhom impressjoni ħażina ta’ Malta.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat qal li l-akbar sodisfazzjoni għall-Gvern huwa, li f’5 snin, naqqas il-faqar reali f’Malta b’14,000 persuna fosthom mas-sitt elef tifel u tifla. Fil-Birgu, Dr Muscat qal li l-Gvern wiret sitwazzjoni ta’ ekonomija li ma kinitx qed tikber biżżejjed, u l-faqar kien qed jiżdied. Dr Muscat spjega kif il-Gvern se jkompli jattakka l-faqar, fosthom bl-edukazzjoni u x-xogħol.

Il-Prim Ministru qal li l-inkwiet tal-investituri, li kellu laqgħat magħhom fl-aħħar jiem, huwa li ma jsibux ħaddiema. Qal, li għalhekk, se jinġiebu ħaddiema barranin. Qal, li dawn joħolqu sfidi, fosthom il-kirjiet, imma huma wkoll iħallsu t-taxxi u l-bolla għall-pensjoni, anke jekk huma mhux se jieħdu pensjoni, għax wara ftit snin jerġgħu lura f’pajjiżhom. Qal li, b’hekk jiġi evitat li togħla l-bolla jew tiżdied l-età tal-irtirar. Semma’ kif diversi pajjiżi bħal Singapore u l-Emirati għamlu suċċess ekonomiku bil-ħaddiema barranin. Il-Prim Ministru qal li s-suċċessi li nkisbu s’issa, m’huma xejn ħdejn is-suċċessi li se jinkisbu fil-futur.

Dr Muscat qal li kellu taħdidiet mal-Lufthansa Technik, li qal għandha l-ħsieb li tkabbar l-operat tagħha b’hanger ġdid, biex l-akbar ajruplani fid-dinja jiġu Malta għat-tiswija. Qal li għalkemm hemm 67 student fl-MCAST jistudjaw din is-sengħa, dan mhux biżżejjed. Appella lill-ġenituri biex ma jħallux lil uliedhom jitilqu mill-iskola kmieni. Dr Muscat qal li l-Gvern, għax għandu surplus, jista’ jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ bosta ħaddiema.

Dwar l-Air Malta, Dr Muscat appella lill-ħaddiema biex iħarsu lejn il-ħaddiema tal-Enemalta, li mhux talli ma tkeċċewx, imma talli ngħataw bonus għax il-kumpanija miexja ‘l quddiem. Dwar l-IVF, Dr Muscat qal li hawn koppji li jkollhom imorru barra minn Malta biex jagħmlu din il-proċedura. Qal, li għalkemm dan il-Gvern beda l-IVF fl-Isptar Mater Dei, u daqt ikunu twieldu mitt tarbija biha, irid iwessa’ din il-liġi biex ma tibqax ristrettiva.

Il-Prim Ministru qal, li jemmen li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, ma jaqbilx ma’ nies fil-partit tiegħu, li qed jagħmlu ħsara lil Malta. Huwa reġa’ tenna lil Dr Delia biex jieħu t-tmun tal-Partit Nazzjonalista f’idejh, għax qal li Malta għandha bżonn Oppożizzjoni soda. Il-Prim Ministru qal li l-Maltin ta’ rieda tajba ma jiħdux pjaċir li pajjiżhom jitkasbar, għalhekk qal li l-Gvern se jkompli jitkellem ma’ min għandu impressjoni ħażina ta’ Malta, għax qal li l-Gvern qiegħed fuq in-naħa tas-sewwa.