Politika
Il-PM jemmen li l-ħaxixa għandha tkun legalizzata għall-użu rikreattiv

Il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li huwa miftuħ għal diskussjoni dwar iktar riformi li huma meħtieġa, fosthom il-legalizzazzjoni tal-ħaxixa għall-użu rikreattiv u d-dekriminalizzazzjoni tal-prostituzzjoni anke jekk għamilha ċara li Malta mhux se ssir pajjiż tal-briedel.

Intervistat minn Glen Falzon fil-programm Insights, imxandar il-Ġimgħa fuq TVM, Dr Abela qal li s-suġġett tal-ewtanasja m’għandux jintefa’ taħt it-tapit filwaqt li ma jara xejn ħażin li ssir diskussjoni nazzjonali dwar l-abort.

Il-Prim Ministru, Robert Abela, qal li għadu tal-istess fehma li l-ħaxixa għall-użu rikreattiv għandha tkun legalizzata. Dr Abela rrimarka li diġà tnaqqsu l-pieni għal min jinqabad b’ammonti żgħar ta’ ħaxixa għall-użu personali.

“Issa fadal jekk aħniex se mmorru għal direzzjoni hux se nżidu l-ammont ta’ grammi meqjus għall-użu esklussiv – jiġifieri dik naħseb li hi miżura li m’għandniex nittitubaw iżjed dwarha – u mbagħad jekk hux se mmorru pass ieħor eventwalment fejn għandek kwistjonijiet ta’ użu esklussiv, hemmhekk se tneħħiha għalkollox.”

Dwar il-prostituzzjoni, Dr Abela wera l-fehma li la l-prostituti u lanqas il-klijenti tagħhom m’għandhom jintbagħtu l-ħabs. Hu għamilha ċara iżda li Malta mhux se ssir pajjiż tal-briedel. Fil-preżent huwa illegali t-tlajjar għal skopijiet ta’ prostituzzjoni.

“Li mill-banda l-oħra mbagħad immorru għal reat ġdid tal-klijent naħseb se nkunu morna għall-estrem. L-affarijiet kif narahom jien – imma hemm ukoll lest nisma’ – hi li mmorru għal dekriminalizzazzjoni tal-prostituti. Li mmorru għall-estrem u naqilbu l-mudell għal li jissejjaħ il-mudell Nordiku naħseb se nkunu morna f’estrem.”

Mistoqsi dwar l-ewtanasja, il-Prim Ministru stqarr li għadu ma ffurmax opinjoni iżda hu tal-fehma li għandha tittieħed deċiżjoni.

“Ma naħsibx li hu suġġett li għandna nitfgħuh taħt it-tapit, lanqas għax qed jolqot in-nuqqas tal-introduzzjoni tiegħu, jew l-introduzzjoni tiegħu, li ma nistgħux ngħidu għax ftit jew għax ħafna. Hemmhekk qiegħda r-realtà. Nappella għal dibattitu dwar is-suġġett u kulħadd jasal għall-fehma.”

Mistoqsi jekk għandux isir referendum dwar l-abort, il-Prim Ministru tenna l-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort. Qal li iżda m’għandu xejn kontra li ssir diskussjoni nazzjonali dwar is-suġġett anki mis-soċjetà ċivili.

“Hi fehma li ffurmajtha u mhux nibdilha, imma li tħalli diskussjoni għaddejja anki jien nixtieq nipparteċipa u ngħid għaliex kontra l-abort, u nkun nista’ nsemma leħni fuq ir-raġunijiet, imma nifhem li hemm pożizzjonijiet differenti imma lest li nisma’.”

Dwar l-iffullar fil-ħabs, Dr Abela qal mhux eskluż li ssir estensjoni tal-ħabs f’Kordin. Fl-intervista, il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar diversi temi oħra, fosthom l-ekonomija, is-saltna tad-dritt, l-Air Malta, u l-pandemija.

Ara wkoll:

ARA: Se jiżdiedu r-restrizzjonijiet tal-pandemija?