Lokali
Il-PM jgħid li bl-ittra lill-FATF Bernard Grech irid li Malta titpoġġa fil-lista l-griża

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni bl-ittra li bagħat lill-Financial Action Task Force jrid li Malta titpoġġa fil-lista l-griża.

Intervistat fuq ONE Radio, il-Prim Ministru qal li ħassu xxukkjat bil-kontenut tal-ittra u esprima diżappunt għal dan l-aġir li fi kliemu qatt ma stennieh mingħand Dr Bernard Grech.

Dr Abela argumenta li l-pajjiż għamel bidliet kbar f’dan il-qasam fosthom fil-liġi tal-ħasil ta’ flus filwaqt li tenna l-impenn tal-Gvern li jbiddel il-kultura tal-pajjiż fil-qasam tal-governanza.

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela qal li hu ddiżappuntat bl-aġir tal-Kap tal-Oppożizzjoni għax qal li bl-ittra li kiteb Dr Bernard Grech lill-Financial Action Task Force indika indirettament li Malta għandha titpoġġa fuq il-lista l-griża. Dr Abela stqarr li ħassu xxukkjat bil-kontenut tal-ittra li qal intbagħtet f’fażi delikata.

Intervistat fuq ONE Radio, il-Prim Ministru qal li l-Gvern għamel bidliet kbar f’dan il-qasam fosthom fil-liġi tal-ħasil tal-flus u bidliet leġiżlattivi f’diversi entitajiet fosthom fl-FIAU. Dr Abela rrimarka li b’dan l-aġir, l-agħar ħaġa li tista’ ssir hi li ma tmurx b’vuċi waħda bħala pajjiż. Irrimarka li filwaqt li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jikkonvinċi bil-kisbiet li għamel, l-Oppożizzjoni qed tgħid lill-FATF biex Malta titpoġġa fil-lista l-griża. Dr Abela tenna l-impenn tal-Gvern li jbiddel il-kultura fil-pajjiż fil-qasam tal-governanza.

Dr Abela rrefera għall-estensjoni fit-tnaqqis tat-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €400,000 ta’ proprjetà mixtrija u qal li b’din il-miżura żdiedu bi 30,000 l-għadd ta’ familji li saru sidien ta’ darhom meta mqabbel mal-2012. Qal, li iktar minn 80% tal-poplu huwa sid ta’ daru. Irrimarka li din il-miżura baqgħet tiġġenera x-xogħol filwaqt li ssalvagwardjat l-impjiegi u b’hekk baqa’ jonqos l-għadd ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol.

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-miri fit-tnaqqis tal-emissjonijiet. Spjega, li s-settur tat-trasport u tal-kostruzzjoni huma żewġ oqsma li minnhom jista’ jitnaqqas it-tniġġis. Dwar is-settur tal-kostruzzjoni, il-Prim Ministru rrefera għall-iskema li inċentivat lil min jaħdem fis-settur biex jibdel l-inġenji li jniġġsu inqas u qal li din l-iskema nħatfet. Dr Abela argumenta li l-emissjonijiet jitnaqqsu mhux billi titnaqqas l-attività ekonomika iżda billi l-iżvilupp ikun intelliġenti.

Dwar l-edukazzjoni, Dr Abela qal li din hi l-iprem ċavetta biex in-nies javvanzaw f’ħajjithom. Qal, li l-edukazzjoni hi wieħed mill-ħames pilastri tal-istrateġija ekonomika tal-pajjiż għall-għaxar snin li ġejjin. Il-Prim Ministru qal li l-edukazzjoni twassal għall-ħolqien tal-ġid u għal kwalità ta’ ħajja aħjar u rrefera għall-investiment ta’ kważi €3 miljun fl-apprentistat biex l-istudenti jkollhom esperjenza fuq il-lantijiet tax-xogħol.