Lokali
Il-PM jgħid li dan il-Budget wera fejn tħabbat il-qalb tal-Gvern – jelenka bosta oqsma biex tinħoloq prosperità ġdida

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li d-differenzi bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni huma l-kredibbiltà u l-kompetenza. Fir-risposta tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-baġit tal-Gvern għas-sena d-dieħla, Dr Abela qal li dan l-argument jreġi f’kull qasam – mis-saħħa sal-ekonomija u saħansitra l-enerġija.

Stqarr li kien hemm min ħaseb li Malta mhix kapaċi tegħleb il-pandemija għax ċkejkna wisq. Qal li dan is-sagrifiċċju jista’ jibqa’ jissarraf b’baġit realistiku u ambiżżjuż b’miżuri li l-Gvern qies kemm se jiġu jiswewh. Qal li minkejja li l-Oppożizzjoni qed tgħid li Malta tinsab fl-agħar riċessjoni fl-aħħar 40 sena, il-Gvern irdoppja l-baġit għas-sigurtà soċjali, l-investiment infrastrutturali, is-saħħa u l-edukazzjoni meta mqabbbel ma’ baġits ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista.

Qal li waqt li l-Oppożizzjoni tikkrita l-politika fiskali, Dr Abela rrefera għall-Fond Monetarju Internazzjonali li faħħar il-politika tal-Gvern. Huwa qal li l-Oppożizzjoni beżżgħet dwar it-tnaqqis fir-ratings, għax skontu ma jinteressahix min-nies iżda mill-firda. Qal li din hi d-differenza ewlenija bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, li wieħed jaħdem għall-ġid u l-ieħor jifraħ bid-deni.

Sostna li pajjiżna laqa’ sew lill-pandemija li setgħet ikkawżat kriżi ekonomika kbira, iżda Dr Abela qal li ebda istituzzjoni internazzjonali ma wissiet li Malta kellha politika żbaljata u fisser kif ħadd ma’ ta downgrade lil pajjiżna fix-xhur li għaddew. Qal li r-ratings tal-pajjiż tnaqqsu għal darba darbtejn tliet darbiet taħt gvern Nazzjonalista. Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni mhux kreddibli dwar il-moralità fiskali għax għal snin twal l-awtoritajiet tat-taxxa ġrew warajh għall-ħlas ta’ VAT; filwaqt li qal mhux trasparenti għax ma qalx min iffinanzjalu t-taxxa pendenti li kellu jħallas.

Dr Abela sostna li fuq kollox il-Gvern jiddependi mill-kompetenza u l-kredibbiltà; u n-nies jafu x’qabża fil-kwalità saret fl-aħħar snin. Dr Abela qal li flok 50,000 qiegħda f’Malta bħalissa hawn biss 1,400 jirreġistraw. Qal li dan il-moviment se jkompli jinvesti fin-nies u mhux jgħabbilhom b’aktar piżijiet. Irrikonoxxa li hawn min qed iħoss l-għoli tal-ħajja u bħal kull sfida oħra l-Gvern se jindirizza u joffri s-soluzzjonijiet.

Qal li waqt li l-Oppożizzjoni qed togħrok idea bl-inflazzjoni kienu huma stess li ftit tas-snin ilu ma żammewx il-kontijiet stabbli u ħolqu piżijiet fuq il-familji. Qal li l-Gvern qatt ma żied il-prezz tal-enerġija, anzi skont Dr Abela l-kontijiet illum huma l-orħos fiż-Żona Ewro. Qal li taħt amminsitrazzjon Nazzjonalista waħda minn kull tmien familji ma kienet midjuna mal-ARMS minħabba l-kontijiet tad-dawl.

Dr Abela qal li l-Gvern wera li b’tim magħqud jista’ jaffronta kull maltemp u jibqa’ miexi ‘l quddiem. Qal li frott ta’ dan in-numru tal-qgħad huwa fl-inqas livell, kif inhu n-numru ta’ nies li qed jistennew l-akkomodazzjoni soċjali u fuq l-assistenza soċjali. Qal li minkejja l-pandemija Malta attirat investimenti ġodda fosthom mid-De La Rue, u kumpanija tal-gaming ‘PressEnter’.

Dwar il-ġlieda kontra l-faqar, il-Prim Ministru qal li f’Ottubru li għadda Malta rreġistrat tnaqqis ieħor ta’ persuni li kienu dipendenti fuq l-għajnuna soċjali. Il-Prim Ministru qal li f’dan il-baġit il-Gvern għal darb oħra żied il-pensjonijiet, minn tal-anqas b’€5 fil-ġimgħa. Sostna li din iż-żieda se tingħata apparti mill-miżura li tħabbret biex aktar pensjonati jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar.

Qal li riżultati ma jiġux b’kumbinazzjoni, u sostna li r-realtà hi li bir-riformi mwettqa mill-Gvern inbidlet ta’ taħt fuq ħajja ta’ eluf ta’ nies, li ngħataw id-dinjità tax-xogħol. Qal li wara l-pandemija, il-Gvern għandu aktar nies jaħdmu minn qabel frott is-suppliment tal-pagi li salva eluf ta’ impjiegi.

Dr Abela semma li f’anqas minn sntejn twettqu l-akbar riformi fil-governanza u fis-saltna tad-dritt. Qal li se tkompli l-ħidma biex jintlaħaq l-action plan maqbul mal-FATF u sostna li waqt li l-Oppożizzjoni kompliet tbeżża’, mat-12 il-kumpanija tal-gaming u 15 tas-servizzi finanzjarji ngħataw liċenzji biex joperaw f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru qal li fil-pandemija l-Oppożizzjoni ħanbqet li l-Gvern kien se jġib 40,000 doża biss tal-vaċċin waqt li wara l-Partit Nazzjonalista saħaq li t-tilqima mhix is-soluzzjoni. Dr Abela qal li l-istorja tat tweġiba differenti u sostna li meta l-Gvern kien iffaċċjat bl-akbar kriżi kawża tal-pandemija, mhux talli kellu biżżejjed dożi talli kien altruwist bit-tilqim u ngħataw 850,000 doża. Il-Prim Ministru rrefera għal 2009 meta Gvern Nazzjonalsita kien iffaċċjat bil-kriżi tas-swine flu u qal li Gvern Nazzjonalista dakinhar kellu jittallab mal-Gvern Olandiż għal ftit dożi.

Huwa qal li ma jistax ikollna pajjiż b’saħħtu jekk mhux f’ambjent san, u f’dan l-isfond Dr Abela wiegħed li se jaħdem biex jindirizza l-isfidi ewlenin fosthom it-tibdil fil-klima. Qal li l-baġit juri biċ-ċar id-direzzjoni li jrid jieħu l-Gvern fil-qasam ambjentali, u semma fost l-oħrajn miżuri li jsebbħu l-qalba tal-ibliet u l-irħula Maltin. Waqt li l-Gvern qiegħed jgħid li se jinvesti f’parks ġodda, Dr Abela qal li l-Oppożizzjoni għadha mifnija bl-istess nies li fasslu l-pjani tal-2006 li wessgħu ż-żoni tal-żvilupp u l-istess nies li kienu ħarġu bl-idea li l-power station taħdem bil-Heavy Fuel Oil.

Semma l-metro u qal li l-istudju qajjem numru ta’ punti għad-diskussjoni, fosthom ir-reklamazzjoni tal-art. Wera l-fehma li din hi meħtieġa rrispitaviment mill-Metro u sostna li l-Gvern għandu proposti ta’ esperti internazzjonali li jagħmlu sens ekonomiku, soċjali u infrastrutturali. Qal li dawn se jiġu diskussi mal-poplu u flimkien tintgħażel it-triq ’il quddiem.

Dr Abela semma wkoll l-enerġija rinnovabbli u qal issa jmiss li l-iskart jsir riżorsa u b’hekk se jinħolqu opportunitajiet ġodda, fejn l-ekonomija u l-ambjent jsostnu lil xulxin. Qal li l-politika fiskali tal-Gvern speċjalment waqt il-pandemija ħalliet il-frott meħtieġ. Għal Għawdex, Dr Abela qal li minkejja l-pandemija baqa’ għaddej bl-invesitment li diġà qed irodd għax qatt daqs illum m’hemm Għawdxin jaħdmu fis-settur privat f’Għawdex.

Fl-aħħar nett huwa qal li l-pandemija għanda sservi bħala tfakkira li huwa importanti li l-Gvern ikun kompetenti għax sostna li b’hekk ma jisfumawx is-sagrifiċċji. Qal li ma’ dan il-Gvern taf fejn qiegħed, mentri mal-Oppożizzjoni flok il-pajjiż jagħmel pass ‘l quddiem, jagħmel pass lura.

Il-Prim Ministru qal li b’dan il-baġit, il-Gvern qed juri fejn tħabbat qalbu u sostna li l-miżuri mħabbra se jservu ta’ tarka għall-vunerabli, se jwieżen il-familji u b’ideat għall-ġejjieni sostenibbli, ġust u dinamiku intiżi li jibnu prosperità ġdida għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna.