Politika
Il-PM jgħid li f’ġimgħa tlaqqmu 8,000 fil-‘walk-in clinics’

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li f’ġimgħa kemm ilhom li fetħu l-‘walk-in clinics’ marru jitlaqqmu mat-8,000 persuna.

F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, Dr Abela ħeġġeġ lil kull min jista’ biex jieħu t-tilqima għax qal li hija s-soluzzjoni fil-ġlieda kontra l-Covid.

Il-Prim Ministru rrefera għar-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) li rrikonoxxa d-deċiżjonijiet meħuda mill-Gvern waqt il-pandemija.

Huwa semma kif l-IMF innotat li matul is-sena li ġejja t-tkabbir ekonomiku f’Malta mistenni jkun darba u nofs ikbar minn dak li kien qed ibassar il-Gvern.

Il-Mexxej Laburista qal li l-Gvern se jibqa’ jagħti valur lit-tilqima biex jipproteġi dawk l-aktar vunerabbli.

Dr Abela qal li hija minoranza żgħira biss li ma tridx titlaqqam waqt li tenna l-messaġġ li t-tilqima hija s-soluzjoni.

Huwa qal li l-vaċċin huwa t-tarka tal-attività ekonomika li reġgħet qabdet pass tajjeb b’ristoranti miftuħa, attivitajiet kulturali u l-isport wkoll għaddej.

Dwar l-andament ekonomiku Dr Abela wera ruħu sodisfatt li wara 16-il xahar ta’ pandemija l-qgħad jinsab fl-iktar livell baxx fl-istorja ta’ Malta.

Il-Prim Ministru qal li dan b’kuntrast mat-tbassir inizjali fil-bidu tal-pandemija li kienu se jintilfu 50,000 impjieg.

Huwa rrimarka li dan ma ġiex mix-xejn iżda huwa frott id-deċiżjonijiet tal-Gvern li, fi kliem, Dr Abela dawn id-deċiżjonijiet ġew innutati wkoll fl-aħħar rapport tal-IMF.

Abela semma li dan ir-rapport nnota li matul is-sena li ġejja t-tkabir ekonomiku f’Malta mistenni jkun darba u nofs ikbar minn dak li kien qed ibassar il-Gvern.

Il-Prim Ministru qal li dan il-progress ekonomiku issa jrid ikompli jissaraf fit-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Waqt li semma, fost oħrajn, il-proġett li ġie inawgurat din il-ġimgħa f’Marsalforn Għawdex huwa qal li dan huwa xhieda tal-bidla fil-mentalità fejn żona ddominata mill-vetturi nbidlet f’żona pedonali.

Il-Mexxej Laburista qal li l-Gvern se jkompli għaddej b’investimenti varju fl-isport u l-arti bi skemi ntiżi li jagħtu l-għajnuna artisti milquta mill-effetti tal-pandemija.

Dr Abela tkellem ukoll dwar il-konferenza ġenerali li saret il-Ġimgħa u qal li din ma ġietx minn imkien imma li nbniet fuq l-ideat tan-nies bil-proġett tal-100 idea li se jkompli jagħti skop lill-Partit Laburista x’politika futura għandu jfassal ibbażata fuq dak li n-nies iridu għall-pajjiż.

Huwa sostna wkoll li mill-konferenza ħareġ ċar li wiret tim magħqud, b’element ta’ nies stabbiliti u oħrajn ġodda li qed jingħaqdu għall-ewwel darba mal-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista temm jgħid li l-għan huwa li l-Partit Laburista jibqa’ jmexxi lil Malta ‘il quddiem.