Lokali
Il-PM jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin tibda konsultazzjoni dwar sistema ta’ metro

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal fil-ġimgħat li ġejjin irid li tibda konsultazzjoni pubblika dwar sistema ta’ metro, li tikkonsisti fi trasport tal-massa li jaħdem taħt l-art.

Dr Abela qal li din is-sistema tista’ ġġib rivoluzzjoni fil-mod kif jaħdem it-trasport pubbliku u stieden lin-nies jaghtu L-opinjoni tagħhom dwar jekk hux lesti jwarrbu l-użu tal-karozza privata u jagħżlu dan it-tip ta’ trasport.

F’rally bit-tema “Inġeddu Malta Flimkien” li ġabet fi tmiem konferenza b’sensiela ta’ attivitajiet, Dr Abela qal li bħalma l-pajjiż għamel qabża fl-ekonomija, is-saħħa u l-infrastruttura, il-qabża li jmiss hija li Malta ssir isbaħ u iktar nadifa.

Il-prim ministru sostna li ħajjitna ma titkejjilx biss bil-ġid materjali imma b’aktar kuntentizza u l-ħin li nqattgħu mal-għeżież. Qal li l-budget għas-sena d-dieħla se jkun immirat lejn kwalità ta’ ħajja aħjar.

Qal li se jkun bla taxxi, li jwieżen lil min waqa’ lura u joffri tama ġdida liż-żgħażagħ u se jżid il-pensjonijiet. B’aktar inċentivi għall-investiment, iktar xogħol ta’ kwalità u fuq kollox li jsaħħaħ l-ambjent.

Qal li biex il-pajjiż ikompli jiġġeded jeħtieġ li jibda d-diskors fuq riforma elettorali serja biex l-għażla tirrifletti soċjetà li ngħixu fiha. Qal li l-Partit Laburista mhux kuntent billi jirbaħ lill-partit l-ieħor biss, imma meta bidliet li jħalli effetti fuq ġenerazzjonijiet futuri.

Żied li l-Partit Laburista ma jieqafx jibdel, u huwa l-unika forza politika magħquda li tista’ tkun iċ-ċentru tal-pajjiż. Qal li fil-konferenza ħareġ li kulħadd għandu rwol f’tim Malta.

Il-mexxej Laburista qal li matul il-pandemija sab tim ta’ nies ta’ sinsla li qam għall-okkażjoni b’politiċi ta’ esperjenza u ta’ kompetenza li diġà ħadu deċiżjonijiet kbar għall-pajjiż. Irrimarka li ma ħadux it-triq il-faċli li jistennew x’se jagħmel ħaddieħor, imma qal li gżira ċkejkna wriet li tista’ tkun ta’ eżempju għad-dinja.

Dr Abela qal li din il-leġiżlatura ma fadlilhiex iżjed minn disa’ xhur u li baqa’ numru ta’ proġetti li għad iridu jitħabbru.

Fi kliem Dr Abela, il-Partit Laburista għadda minn diversi esperjenzi imma dejjem ġab lil Malta qabel kull kunsiderazzjoni oħra. Iddeskriva lilu nnifsu bħala soċjalista demokratiku Ewropew konvint li jemmen li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura fis-soċjetà. Qal li jemmen fil-ħaddiema għax qal li huma l-bażi tal-moviment u tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-riformi li saru u qal li issa qed naraw ir-riżultat pożittiv tagħhom.

Żied li huwa emmen li jekk irid iservi tajjeb ma kellu jibża’ mill-ebda skrutinju li jsir mill-istituzzjonijiet. Irrimarka li l-passi kbar li saru ġew rikonoxxuti anke mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, li semmiet il-progress li għamlet Malta biex bagħtet messaġġ lil pajjiżi oħra biex jiehdu l-eżempju ta’ pajjiżna u jaħdmu fuq is-saltna tad-dritt.